Lokali
ARA: Jimpjega u jaħfer lir-raġel li seraq u darab lil ħuh

Episodju ikrah li għaddiet minnu l-familja ta’ Patri Marcellino Micallef spiċċa biex inbiddel f’episodju sabiħ li bidel il-ħajja ta’ bosta.

Waqt il-programm Topik, li jixxandar fuq TVMnews+,Patri Marcellino qasam esperjenza li bdiet ħafna snin ilu u għadu jgħixha sal-lum il-ġurnata.

Patri Marcellino rrakkonta li meta kien għadu kemm sar saċerdot, ommu xtaqet tibqa’ taħsillu l-ħwejjeġ hi. Darba minnhom hija bagħtet lil wieħed mit-tfal tagħha jeħodlu l-ħwejjeġ. Dakinhar fi triqtu lejn il-kunvent, xi ħadd qabeż fuqu biex jisirqu. Hemm huwa spiċċa misruq, bi swaba’ miksura u freġju f’wiċċu.

Kif spjega Patri Marcellino din kienet eperjenza ta’ tbatija u trawma kbira kemm għalih kif ukoll għal familtu. Stqarr li waqt li sabu ħafna nies juru solidarjetà magħhom kif hemm uħud ma fehmuhomx u bdew anke isaħħnuhom biex jieħdu l-liġi b’idejhom.

Madankollu, Patri Marcellino ma għażilx dik it-triq u għażel li jimxi fuq it-tagħlim t’ommu li jaħfer. Stqarr li ommu baqgħet tgħallmu u ftit qabel ma mietet qaltlu “kelma għal ġid għidha għax tnaddaf is-snien”.

Mingħajr ma kien jaf, Fr Marcellino Micallef li jmexxi s-Soup Kitchen fil-Belt impjega lill-aggressur ta’ ħuh.

Spjega li sabiex jaħfer lil Louis Mallia, ir-raġel li darab u seraq lil ħuh kien proċess. L-istorja biex ħajjet Louis tinbidel bdiet meta Patri Marcellino stieden xi priġunieri jmorru jagħmlu xi xogħlijiet fil-kunvent sabiex jagħtu bidu għall-proġett ta’ Kċina Franġiskana. Dakinhar marru ħamest irġiel, u kif spjega Patri Marcellino bena relazzjoni magħhom u hemm sar jaf li Louis ma kellux impjieg.

Fi kliem Patri Marcellino, ix-xogħol huwa dinjità għall-bniedem u ħass li għandu bżonn jagħtih impjieg. Sakemm ġara dan kollu, Patri Marcellino kien għadu ma jafx min hu Louis.

“Sakemm joħroġ mill-ħabs konna impjegajnieh magħna. Wara xi xahar u nofs għamilt lejl ma nistax norqod għax qisu ġiet l-istampa quddiem wiċċi. L-għada filgħodu għidtlu Louis għal li jista’ jkun tiftakru dak il-każ u semma l-isem ta’ ħija. Inħsadt, dak il-ħin għannaqtu lil Louis. Mar lura u ħaseb li se nkeċċih anke lil sħabu hekk qalilhom. Kien onest miegħi, talabni maħfra, lil ħija ltaqa’ miegħu darbtejn, ma kinitx faċli imma nemmen li l-unika mediċina għall-fejqan. Fl-aħħar mill-aħħar egoistikament Louis lili fejjaqt.”

Fil-programm, Patri Marcellino spjega kemm dan l-episodju għenu ħafna sabiex jagħlaq dan il-kapitlu f’ħajtu. Tkellem dwar il-valur tal-maħfra fost l-oħrajn li wieħed ikun kapaċi jaħfer lilu nnifsu.

“Nibża’ minnu l-passat imma nħobbu biex ma nerġax ngħaddi minnu”

Min-naħa tiegħu, Louis qal li isem ħu Patri Marcellino baqa’ ittimbrat f’moħħu għax kien bniedem innoċenti u ma kien għamillu xejn lilu.

Qal li vera kellu l-problemi tiegħu imma weġġa’ persuna għal xejn b’xejn u għalhekk xejn ma jiġġustifika l-weġgħa li għamel lill-familja.

Stqarr li staħa mhux biex jitlob maħfra iżda għal dawk l-affarijiet li wettaq. “Nibża’ minnu l-passat imma nħobbu biex ma nerġax ngħaddi minnu” hekk stqarr Louis li ħajjithom għexha f’istitut u f’ħabs. Illum il-ġurnata, Louis qal li ma jibżax li jerġa’ jagħmel dak li għamel għax illum għandu ħafna sapport u mħabba li kien nieqes minnha.

Tista’ ssegwi l-intervista u d-diskussjoni sħiħa li saret fil-programm Topik hawn: