Lokali
Ara: Jinstab l-ewwel każ tal-varjant Indjan f’Malta – ebda pazjent fl-ITU bil-COVID-19

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci ħabbret li minn analiżi li saret tard ilbieraħ filgħaxija fuq il-każijiet pożittivi, instab l-ewwel każ tal-varjant Indjan tal-Covid f’Malta. Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li tagħti kull ġimgħa, il-Professur Gauci qalet li l-maġġoranza tal-varjanti tal-Covid f’Malta huma tal-Ingilterra li jammontaw għal 47 fil-mija. Instabu wkoll 30 każ tal-varjant tal-Brażil li jammontaw għal 3.7 fil-mija, sitt każijiet jew żero punt seba’ fil-mija, huma tal-Afrika t’Isfel u każ wieħed huwa tal-varjant Indjan. Il-Professur Gauci spjegat li l-każ tal-varjant Indjan, magħruf bħala Delta, qed jiġi investigat.

Skont l-aħħar bulettin mediku nstabu żewġ każi ġodda ta’ Covid-19 minn fost 2,545 swab test. L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li fiequ erba’ persuni oħra biex issa l-każi attivi huma 74, tnejn minnhom f’Għawdex. Ma ġiet irreġistrata l-ebda mewt ta’ persuni li kienu morda bil-Covid-19. Dwar it-tilqim ġie rrapportat li sal-bieraħ ingħataw 541,178 tilqima li minnhom 226,341 persuna huma mlaqqma kompletament.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li t-tilqim qed ikun effettiv ħafna biex tkun ikkontrollata l-imxija tant li huma biss 0.2 fil-mija ta’ dawk kollha li tlaqqmu kontra l-Covid-19 li rriżultaw pożittivi għal virus u minkejja li ħarġu pożittiv ftit li xejn kellhom sintomi. Il-Professur Gauci qalet li bħalissa m’hemm l-ebda pazjent bil-Covid-19, rikoverat fit-taqsima tal-kura intensiva u li għal ġimgħa oħra, ma kien hemm l-ebda każ pożittiv li ħareġ minn djar residenzjali tal-anzjani. L-età medja tal-każi attivi hija ta’ 32 sena.

Il-Professur Gauci qalet li mill-każijiet pożittivi li nstabu din il-ġimgħa kien hemm seba’ li kienu importati imma l-ebda wieħed minnhom ma nqabad mal-wasla fl-ajruport. Qalet li dawn ħarġu wara.