Avjazzjoni
ARA: Jinżel f’pajjiżna l-ewwel ajruplan tal-linja tal-ajru Malta Air

Mat-tokki tas-sagħtejn tat-Tlieta wara nofsinhar mess ma’ runway 3-1 l-ewwel ajruplan tal-Malta Air, kumpanija li tifforma parti minn Ryan Air.

B’sitt ajruplani sal-aħħar tas-Sajf, din il-linja tal-ajru se tkun qed topera 148 titjiriet diretti minn u lejn pajjiżna kull ġimgħa.

L-ajruplan tat-tip Boeing 737-8200 huwa wieħed mill-aktar moderni fl-industrija tal-avjazzjoni għax huwa iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u fil-ħarsien tal-ambjent waqt li kapaċi jġorr sa 200 passiġġier.

Il-linja tal-ajru Malta Air – li tifforma parti mill-grupp Ryan Air – waslet b’mod uffiċjali f’pajjiżna bl-inżul tal-ewwel ajruplan tagħha fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

L-ajruplan, tat-tip Boeing 737-8200, jista’ jġorr sa 200 passiġġier, jopera b’16% inqas fjuwil u huwa 40% inqas storbjuż minn ajruplani oħra tal-passiġġieri.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Air, David O’Brien, qal li dan huwa l-ewwel wieħed minn sitta li se jkunu qed jaslu f’pajjiżna matul dan is-Sajf.

Sas-sena id-dieħla l-ajruplani tal-kumpanija li jtajru l-bandiera Maltija mistennija jitilgħu għal 10.

Ma’ Television Malta O’Brien qal li grazzi għall-proċessi rigorużi tad-Direttorat tal-Avjazzjoni fi ħdan Transport Malta, pajjiżna kien l-għażla naturali għal Ryan Air sabiex tiftaħ din il-kumpanija.

“We opened Malta Air having reviewed many of the different options across Europe … largely because of the professionalism and rigour of the Civil Aviation Directorate … very, very competent team lead by Captain Charles Pace”.

O’Brien qal li din hi ġurnata importanti għal Malta hekk kif il-bandiera Maltija se tkompli tittajjar lejn ferm iktar pajjiżi.

Huwa spjega li Ryan Air se tixtri 60 ajruplan ġdid bi kważi nofshom, jiġifieri 29, se jkunu bbażati u reġistrati f’Malta.

L-ajruplani destinati lejn pajjiżna se jiġu b’investiment ta’ €3 biljun.

Huwa żied jgħid li l-ajruplani huma bżonjużi sabiex joperaw l-ammont ta’ rotot li qed tagħmel din il-linja tal-ajru minn u lejn Malta li din is-sena telgħu b’5 għal total ta’ 59.

Il-linja tal-ajru b’hekk se tkun qed topera 148 titjira fil-ġimgħa u biex tlaħħaq ma’ din l-iskeda għandha 180 persuna jaħdmu f’Malta.

Il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg, iddeskriva x-xogħol li qed isir minn Transport Malta bħala wieħed ta’ sodisfazzjon, hekk kif fir-reġistru Malti – in-9H – issa hemm madwar 600 ajruplan reġistrat.

Huwa qal li flimkien ma’ dan daħlet fis-seħħ liġi li se tkompli tiffaċilità r-reġistrazzjoni tal-ajruplani f’pajjiżna u li b’hekk investituri prospettivi jkunu mħajra jgħażlu l-bandiera Maltija.

“Inti għandek investituri barranin, internazzjonali, li qed jagħżlu li l-‘aircrafts’ tagħhom, l-ajruplani tagħhom, itajru l-bandiera Maltija … jirreġistraw ruħhom mar-reġistru Malti … dik turi s-serjetà tal-awtorità u kif b’mod kompetittiv ġibdet lejha numru ta’ .aircrafts. u kumpaniji biex iħallu l-awtorità Maltija tirregolhom fil-ħidma u t-titjiriet tagħhom”.

Il-Ministru Borg innota li l-kumpanija qed tpoġġi fuq quddiem l-interess ambjentali hekk kif dan l-ajruplan il-ġdid, u dawk li ġejjin warajh tal-istess kumpanija, iniġġżu ferm anqas minn ajruplani oħra.

Huwa saħaq ukoll li se jkompli jsir xogħol sabiex kif seħħ f’dan il-każ, ikomplu jinħolqu impjiegi ta’ kwalità għall-Maltin u l-Għawdxin.