Kostruzzjoni
ARA: Jinżlu l-aħħar ħitan u kolonni tal-lukanda Verdala fir-Rabat

Il-binja ta’ dik li kienet il-Grand Hotel Verdala fir-Rabat, twaqqgħet għal kollox, hekk kif is-Sibt waranofsinhar twaqqgħet l-aħħar fażi ta’ din il-lukanda li kienet tidher minn diversi nħawi f’Malta.

TVM segwa l-mument meta twaqqgħu l-aħħar kolonni u ħitan tal-lukanda, flimkien maċ-Chairperson ta’ AX Group, Anġlu Xuereb, li qiegħed imexxi l-proġett.

It-twaqqigħ tal-aħħar struttura ta’ dak li kienet il-lukanda Verdala timmarka mument storiku għall-pajsaġġ Malti. Din il-lukanda, li kienet tixref fuq l-għolja tal-Verdala, issa nistgħu ngħidu li twaqqgħet kompletment.

Sa minn meta nbniet fis-snin 70, il-lukanda Verdala, għolja tmien sulari, iddominat il-pajsaġġ tar-Rabat li jidher minn diversi nħawi madwar Malta.

Waqt żjara fuq is-sit fejn għaddej it-twaqqigħ tal-lukanda, iċ-Chairman ta’ AX Group, Anġlu Xuereb, qal li is-sigurtà tal-ħaddiema u tal-ġirien tal-lukanda ingħatat importanza kbira tul il-fażi tat-twaqqigħ li ilu għaddej madwar xahrejn.

Is-sur Xuereb qal li għal dan il-għan, it-twaqqigħ tal-lukanda sar b’għodda speċjalizzata li permezz tagħha l-bini ttiekel biċċa biċċa, minflok twaqqa’ f’daqqa.

“Il-konkrit qegħdin nikluh u fl-istess ħin qegħdin nagħmlu l-għalmu tagħna biex innaqqsu l-inkonvenjent għar-residenti tagħna u nsaħħu s-saħħa u s-sigurtà fuq is-sit, biex b’hekk qegħdin nagħmlu purtiera li fiha tmien sulari fuq wara tar-rubber, biex inaqqsu t-trabijiet u l-ġebel li jaqa’…ma jaqax fit-triq imma fis-sit.”

Waqt li kien attent isegwi kull moviment tal-gerriema, is-sur Xuereb qal li t-twaqqigħ tal-lukanda hija mument storiku għall-karriera tiegħu.

“Iva, mument storiku għax ilni nista’ l-permess 27 sena, għamilt diversi pjanijiet tiegħu matul iż-żminijiet u dejjem nirfinaw. Kuntent li ser naraw żvilupp oriġinali għall-aħħar u ħa noħolqu ‘bench mark’ ġdid għall-iżvilupp, l-iktar min-naħa ta’ arkitettura.”

Anġlu Xuereb spjega kif il-binja l-ġdida li ser tinbena b’investiment ta’ madwar €60 miljun, ser tintegra mal-ambjent tal-madwar, kemm permezz tad-dehra u l-għoli tagħha.

“Mill-għoli kważi naqqasna żewġ sulari minn li kien hemm, minflok blokka waħda solida, li kont taraha qisha ‘eye sore’ minn kullimkien, ser naqsmuha fi tliet blokok, biex b’hekk ikun hemm iktar spazju miftuħ li jitgawda mill-pubbliku.”

Meta jitlesta fi żmien sentejn oħra, il-kumpless ser jinkludi residenzi u lukanda ta’ 5 stilel.