Kronaka
ARA: Jirrakkonta dak li ra waqt il-‘hold-up’ f’Tigne tliet snin ilu

Għalkemm għad għandu 25 sena, Daniel Muka, li kien arrestat ilbieraħ bħala s-suspettat ewlieni fil-qtil doppju f’Tas-Sliema, huwa kkunsidrat bħal kriminal perikoluż ħafna.

F’Ottubru tal-2017, allegatament hu u ħuħ, li jinsab il-ħabs, kienu wettqu ‘hold-up’ armat fil-ħanut Diamonds International f’Tas-Sliema.

Il-hold up seħħ fid-dawl tax-xemx waqt li fil-pjazza ta’ Tigne kien hemm bosta persuni, fosthom Darren Frendo, li reġa’ rrakkonta dak li ra ma’ TVM.

“Jiena kont qed nieħu kafe hawnhekk faċċata, u telgħu tnejn min-nies mit-taraġ ta’ quddiem Diamonds International, daħlu ġewwa jiġru f’daqqa waħda smajna ħafna ħġieġ jitkisser u sparatura, damu ftit minuti, aħna kolha mbeżżgħa wara l-kolonni nistaħbew, kif ħarġu kien tiela’ security Taljan, tawh daqqa bil-gun ġo rasu, waqa’ fl-art, kulħadd iwerżaq u jgħajjat, u telqu jiġru, imbagħad smajna li wara ċertu żmien ġew arrestati,  imma aħna hawnhekk kulħadd ixxukkjati kien.”

Sa minn dakinhar is-sidien tal-ħanut iddiversifikaw in-negozju fejn seħħ il-hold-up, waqt li kelliem għall-kumpanija qalilna li ma rkupraw xejn mit-€333,000 f’ġojjelli u arloġġi li ħarbu bihom il-ħallelin. Il-proċeduri fil-Qorti għadhom għaddejjin.