Lokali
ARA: Jirrakkonta kif baqa’ miexi fuq il-passi ta’ missieru u beda jagħti d-demm

Sbatax-il donatur tad-demm ingħataw rikonoxximent mill-President ta’ Malta George Vella talli ddistingwew ruħhom bid-donazzjonijiet tad-demm matul is-snin. Fost dawn Martin Bugelli, li ilu 35 sena jagħti d-demm, u issa ibnu Daniel qed jimxi fil-passi ta’ missieru biex jagħti dawk magħrufa bħala l-pjastrini li huma bżonjużi ħafna f’każ ta’ emoreġiji maġġuri u għat-trattament tal-lukimja.  F’Jum il-Missier – il-missier u l-iben kienu fiċ-Ċentru Nazzjonali tad-Demm u tkellmu fuq din ir-rabta komuni bejniethom biex jibqgħu għas-servizz tal-komunità.

Ħarġa f’Paceville fl-aqwa taż-żgħożija, bdiet kampanja li għadha għaddejja 35 sena wara. Martin Bugelli kien wieġeb għas-sejħa ta’ demm wara l-ħtif tal-ajruplan tal-EgyptAir fl-1985. Illum huwa l-iktar persuna li ta l-pjastrini tant kruċjali f’każ ta’ emoreġiji u għat-trattament tal-lukimja. Kien ta d-demm tmien darbiet meta infermiera infurmatu li għandu demm tajjeb ħafna biex jagħti l-pjastrini.

Martin Bugelli qal “qaltli tridx tibda tagħti l-platelets? U spjegatli li l-platelets ikunu jistgħu jtuhom lil nies speċjalment lit-tfal li jkollhom bżonn trattament tal-lukimja. Kif tista tgħidilha le?”

Kien żmien li l-proċess għat-teħid tagħhom kien twil. Kien idum iktar minn erbgħa sigħat. Illum huwa proċess iqsar ħafna. Is-Sur Bugelli kompla jappella biex ħadd ma jistenna li l-qraba tiegħu jkollhom bżonn, imma jxammru l-kmiem u jagħtu d-demm.

Martin Bugelli qal “ġieli ċempluli wara tliet ġimgħat u mort. Qatt ma għidt le. Illum il-ġurnata ma nistax nagħti iktar platelets għax wasalt sa ċertu età. Bqajt nagħti sakemm kelli 54 sena.”

B’sodisfazzjon is-sur Bugelli spjegali li l-missjoni tiegħu qed titkompla minn ibnu Daniel ta’ 26 sena, li minn ċkejken kien jakkumpanjah meta jmur jagħti d-demm.

Daniel Bugelli qal “jien u missieri fuq kollox niġġieldu, fuq din imma l-unika ħaġa li naqblu, bla kuntrarju ta’ xejn.”

Martin Bugelli kien fost 17-il donatur tad-demm li nhar il-Ġimgħa ngħataw rikonoxximent mill-President ta’ Malta George Vella talli ddistingwew ruħhom fl-għoti tad-demm. Il-President Vella radd ħajr lid-donaturi u lil dawk kollha li jaħdmu fis-servizz nazzjonali tat-Trasfuzjoni tad-Demm u appella biex il-poplu Malti jkompli jkun qalbu tajba ħalli ma jkunx hawn skarsezza ta’ demm.

L-istess appell sar f’jum il-missier meta Martin u ibnu Daniel ħeġġew biex ir-rigal tal-għoti tad-demm li huwa r-rigal tal-ħajja jkompli wkoll fis-sajf meta d-domanda għad-demm tkun aktar qawwija. Fil-fatt bħalissa ċ-ċentru qed jappella għad-donaturi tad-demm tat-tip O u l-A positive.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-għada li l-Awtorità tal-Ippjanar wettqet azzjoni ta’ infurzar fuq fl-istallel fil-Marsa fejn kienu qed joqogħdu għexieren ta’ immigranti, is-sidien tagħhom jidher li żbarazzaw l-istallel. Sadanittant, TVM huwa infurmat li 37…

Lokali

Il-Mużew tal-Katidral fl-Imdina ngħata dimensjoni ġdida għax mhux ser jibqa’ biss post fejn ikunu esebiti artifatti prezzjużi iżda ser joffri opportunità ta’ tagħlim u post fejn artisti privati jesebixxu l-arti…

Ikel

Fl-Awstralja, l-ekoloġisti qed iwissu li n-numru ta’ kangaroos fis-selvaġġ m’għadux sostenibbli u qed iħeġġu lill-Awstraljani biex jieklu aktar laħam ta’ dan l-annimal li hu simbolu nazzjonali ta’ dan il-pajjiż imbiegħed….

Kultura

Għaddej b’ritmu mgħaġġel ix-xogħol ta’ restawr fil-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt fejn qed isir restawr fuq is-soqfa tal-kurituri u li huma mogħnija bil-pitturi. Ix-xogħlijiet ta’ restawr ser jiffukaw ukoll fuq l-art…

Aktar