Kronaka
ARA: Jisraq it-tips tal-ħaddiema u jlebbet ‘il barra

Ħaddiema f’restorant fil-Birgu llum spiċċaw bla tips wara li raġel mhux magħruf daħal fil-ħanut u battal it-tazza li fiha kellhom il-flus.

Ir-raġel jidher fuq kameras tas-sigurtà jidħol fir-restorant dCentre għall-ħabta tat-3.20 ta’ waranofsinhar, eżatt wara li tillarga l-barista li kienet għadha kemm qdiet żewġ klijenti.

Ir-raġel, liebes flokk abjad, jidher idur fil-ħanut vojt u anki jħares ‘il fuq lejn il-kameras. F’ħin minnhom jittawwal ġot-tazza li kien hemm fuq il-bar, u jdaħħal idu fiha qabel ma jlebbet ‘il barra. Il-barista tidher tirritorna biss ftit sekondi wara.

Mill-kameras ta’ barra r-raġel jidher dieħel fil-ħanut u jerġa’ joħroġ wara ftit ħin.

Sid il-ħanut tkellem ma’ TVM, fejn qal li dak il-ħin fit-tazza kien hemm madwar €40 f’tips. Huwa kkonferma li dwar il-każ għamel rapport fl-għassa ta’ Bormla, filwaqt li appella biex min jagħraf lir-raġel jagħmel kuntatt mal-Pulizija.