Edukazzjoni
ARA: Jistudjaw fuq il-katavri biex jevitaw l-iżbalji fuq il-ħajjin

F’Malta u f’Għawdex hemm mal-500 persuna, kważi kollha Maltin, li taw il-kunsens tagħhom biex meta jmutu, il-katavru tagħhom jingħata lill-Università ta’ Malta. L-att altruwistiku sar minn jeddhom, biex l-istudenti tal-mediċina jkunu jistgħu jistudjaw fuqhom.

Żball minn professjonisti li jaħdmu fl-oqsma tal-kirurġija, il-mediċina u x-xjenzi farmaċewtiċi jista’ jkun fatali jew ikollu riperkussjonijiet serji, u huwa għalhekk li l-istudenti, tobba u kirurgi jridu jitħarrġu bi preċiżjoni meta joperaw.

Kruċjali f’dan il-kuntest huma d-donazzjonijiet ta’ madwar erbgħin katavru li d-Dipartiment tal-Anatomija fl-Università ta’ Malta jirċievi kull sena biex l-istudenti u l-professjonisti jkunu jistgħu jwettqu r-riċerka u jsaħħu l-ħiliet tagħhom taħt is-superviżjoni ta’ speċjalisti.

Il-kap tad-Dipartiment tal-Anatomija, Jean Calleja Aguis, qalet li l-ftehim għad-donazzjoni jsir b’kunsens mill-persuna meta tkun għadha ħajja u f’sensiha, waqt li x-xewqa tagħha trid tkun reġistrata fit-testment. Trid anki tispeċifika jekk tridx tibqa’ sħiħa, u jekk tridx li tindifen meta titlesta r-riċerka.

Mistoqsija jekk hemmx lok jew ċirkustanzi li jistgħu jqanqlu tħassib fost donaturi prospettivi dwar l-għan u l-iskop tar-riċerka, il-Kap tad-Dipartiment spjegat li l-Università ssegwi proċeduri stretti ta’ etika biex ma jkunx hemm manipulazzjoni fil-mod kif il-katavri jintużaw għar-riċerka.

“Biex ikun hemm iżjed għarfien fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq ċertu mard li jista’ jaffettwa s-saħħa tal-bniedem, u dik nonorawha, dik hija letteralment bħal kuntratt legali,” qalet il-Professur Calleja Agius.

Brad Grech, li huwa student tal-mediċina, qal li t-taħriġ fuq il-katavri huwa kruċjali. “Avolja t-teknoloġija dejjem qed tavvanza, f’dan il-qasam importanti ħafna li jkollna xi ħaġa fuq hiex nitgħallmu li nkunu qed narawh quddiem għajnejna, mhux fuq kompjuter jew realtà virwali.”

Sherif Sulemain, li jaħdem bħala tekniku fil-laboratorju tal-anatomija, qal li fl-aħħar għoxrin sena nnota progess sinifikanti fil-mod kif issir ir-riċerka u l-analiżi f’dan id-dipartiment.

“Ftit tara laboratorji jew dissection halls fl-Ewropa kif għandna hawnhekk. Qed nagħtu ċans lill-istudenti Maltin tal-mediċina, meta ħafna studenti f’postijiet oħra jitgħallmu minn fuq l-internet jew web based, hawnhekk għandhom esperjenza hands on, jiġifieri hija esperjenza unika naraha jien.”

L-ewwel donazzjoni ta’ katavru lill-Universita ta’ Malta tmur lura għall-1918. Bħalissa l-istudent tal-mediċina, Malcolm Formosa, qed jistħarreġ l-istorja tad-donazzjonijiet u kif dawn evolvew tul l-aħħar mitt sena. “Hekk inkunu nistgħu nafu aħna eżatti, ikollna rekords minn fejn ġejjin l-iġsma li aħna nkunu qed nistudjaw fuqhom.”

Il-Professur Jean Calleja Aguis qalet li bħalissa hemm madwar 500 persuna li diġà esprimew ix-xewqa li wara mewthom, ġisimhom jingħata lill-Università għar-riċerka.

Twissija: il-filmat jinkludi xi xeni li jistgħu jkunu sensittivi għal xi wħud.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Raġel ta’ 26 sena mill-Maċedonja ġie akkużat li seraq €300 minn stabbiliment fil-Mellieha fejn kien jaħdem bħala waiter. Igor Illievski wieġeb hati tal-akkuza miġjuba kontrih. Huwa radd lura l-flus li…

Qorti

Josef Sadi mill-Imsida wieġeb mhux ħati ghall-akkuża li ta daqqa ta’ flixkun lil mara Taljana meta lbieraħ kienu fi stabbiliment f’Paceville. Il-Qorti tat lil Sadi l-ħelsien mill-arrest fuq garanzija personali…

Televiżjoni u Radju

Appuntament mill-ġdid ma’ X Factor Malta li t-tieni edizzjoni tiegħu tibda fuq TVM dalwaqt. Mill-Boot Camp għaċ-Chair Challenge u l-Judges Houses, l-udjenza ta’ TVM  se jerġa’ jkollha spettaklu ta’ talent…

Stejjer Umani

Disk Jockey Ingliż kien Malta għal vaganza mas-sieħba tiegħu, li għal ftit ma ntemmitx fi traġedja. Huwa waqa’ m’għola erba’ sulari mill-gallarija tal-kamra tiegħu fil-lukanda Seabank, fil-Mellieħa. L-inċident seħħ fil-15…

Aktar