Ara: Jitkellem żagħżugħ Malti ta’ 27 sena li pprattika l-bestjalità

Waqt ‘Popolin’ ilbieraħ filgħaxija, fost l-oħrajn, żagħżugħ ta’ 27 sena spjega kif bħalissa qed jiġi mgħejjun jiġġieled sfida li ħakmitu. Iż-żagħżugħ, fi ftit kliem, spjega kif għal dawn l-aħħar ħames snin b’mod regolari kellu relazzjoni sesswali ma’ wieħed mill-annimali li hu u familtu kienu jgħixu magħhom taħt l-istess saqaf.

Matul l-intervista, iż-żagħżugħ qal li kien ikollu x’jaqsam ma’ dan l-annimal minn tal-anqas darba fil-ġimgħa. Liema sitwazzjoni, qal li ilha għaddejja għal dawn l-aħħar snin. Ġara, li ftit tax-xhur ilu kuġinuh daħal fuqu għall-għarrieda u ntebaħ b’din il-problema. Stqarr, li wara ż-żewġ rapporti ta’ bestjalità mxandra fuq il-midja lokali dan l-aħħar, kuġinuh ħeġġu sabiex ifittex l-għajnuna.

F’dan l-isfond, is-sesswologu Matthew Bartolo qal li l-hekk imsejħa zoophilia hija problema psikoloġika li ma tistax tiġi kkunsidrata bħala xi ħaġa normali u li dak li jkun, fit-tali ċirkostanza, għandu jitkellem u jitlob l-għajnuna minnufih. Is-sesswologu spjega li l-bestjalità lil dan il-ġuvni rnexxielha titrażmettilu element qawwi ta’ diżappunt fil-konfront ta’ relazzjonijiet ma’ umani bħalu ġaladarba moħħu ħoloq ġibda lejn speċi oħra.

Għad-domandi tal-preżentatur Quinton Scerri, Bartolo wieġeb li l-bestjalità ma tistax tiġi kkunsidrata bħala orjentazzjoni sesswali hekk kif qal li l-orjentazzjoni sesswali hija bbażata fuq atti sesswali fejn ikun hemm kunsens bejn iż-żewġ naħat.

Jitkellem żagħżugħ ta’ 27 sena li jipprattika l-bestjalità

Il-bestjalità kundizzjoni psikoloġika jew orjentazzjoni sesswali?Jitkellem żagħżugħ ta’ 27 sena li jipprattika l-bestjalità.Fil-programm Popolin tal-bieraħ filgħaxija, żagħżugħ ta’ 27 sena spjega kif bħalissa qed jiġi mgħejjun jiġġieled sfida li ħakmitu.

Gepostet von Popolin am Dienstag, 13. Oktober 2020

Intant, f’kummenti lil ‘Popolin’ il-ġurnalist ta’ TVM Keith Demicoli stqarr li matul il-karriera tiegħu qatt qabel ma kien iltaqa’ ma’ każ simili ta’ dak li ġie wiċċ imb wiċċ miegħu fl-aħħar ġimgħat. Il-ġurnalist qal li meta tkellem mal-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis, l-istess Ministru qallu li ma jeskludix li fil-ġejjieni tiġi emendata l-liġi biex il-bestjalità ssir illegali f’pajjiżna.