Lokali
ARA: Jitlob lill-Mulej biex ineħħilu l-kundizzjoni rari f’għajnejh

L-avvanzi fit-teknoloġija wasslu biex minn żmien għal żmien joħroġ fis-suq tagħmir speċjalizzat li jgħin tfal nieqsa mid-dawl jew fuq l-ispettru tal-awtiżmu biex jistudjaw u jikkomunikaw aħjar. Il-Malta Trust Foundation tgħin biex dan it-tagħmir ikun f’idejn tfal Maltin u qed tappella lill-pubbliku jgħinha tiġbor fondi biex tilħaq dan l-għan.

Jake għandu 8 snin. Twieled b’kundizzjoni li affettwatlu l-viżta. Jgħid li jħossu mdejjaq għall-fatt li ma tantx jara. Jitlob lill-Mulej biex ineħħilu din il-kundizzjoni rari għax ma jixtieqx li jibqa’ hekk għal dejjem.

Jixtieq isir astronawta imma jgħid li diffiċli għax Malta m’hawnx faċilitajiet għal din il-karriera. Minflok qed iħares lejn żewġ karrieri.

Jixtieq isir pulizija jew pilota. Jaf li jekk ikun pilota hemm ċans li ma jarax l-ajruplani imma jgħid li għandu n-nuċċali u b’hekk ikun jista’ jsuq aħjar, iżda jittama wkoll li din il-kundizzjoni, la jikber, forsi ma jibqax biha.

Jake juża tagħmir li jaqdi l-għan ta’ lenti, ikabbar ittri u affarijiet żgħar u b’hekk jarahom aħjar!

Omma Jake, Joanne, spjegat li b’dan it-tagħmir binha tgħallem jaqra ħafna aħjar. Uriet apprezzament għall-Malta Trust Foundation li tagħatha dan it-tagħmir. Din il-fondazzjoni hija mmexxija mill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca.

Il-pubbliku jista’ jgħin lill-Malta Trust Foundation tixtri tagħmir bħal dan li jgħin tfal b’diffikulta’ fil-viżta jew fuq l-ispettru tal-awtiżmu. L-istedina hi għal għada waqt maratona ta’ ġbir ta’ fondi minn nofsinhar sa nofsillejl li se tixxandar fuq l-istazzjonijiet lokali fosthom f’ċerti ħinijiet fuq TVM2.