Kronaka
ARA: Jitlobhom il-flus darbtejn bl-iskuża li jrid iħallas lil tat-towing

Matul iż-żmien kien hemm diversi rapporti ta’ persuni li jwaqqfu lin-nies u jitolbuhom il-flus taparsi għall-fjuwil, jew biex jaqbdu tal-linja.

Fl-aħħar xhur għadd ta’ persuni kienu qed jirrapportaw fuq il-midja soċjali kif koppja, mara u raġel, li xi drabi jkunu waħedhom u drabi oħra flimkien, kienu qed jitolbu l-flus lin-nies bl-iskuża li jridu jħallsu trakk tat-towing.

Raġel li bela’ l-lixka u ta l-flus lil din il-koppja kien se jispiċċa vittma għat-tieni darba f’temp ta’ ġimagħtejn, u ddeċieda li jiġbed filmat u jxandru permezz ta’ SideStreet Malta biex ħaddieħor ma jiġix mgħoddi minn għajn il-labra bl-istess mod.

Fil-filmat ir-raġel jinstema’ jammetti t-tort u jwiegħed li se jħallas lura lir-raġel €15, waqt li l-mara tinstema’ tgħid li ilhom xahar jitlobu l-flus lin-nies.