Lokali
ARA: Jitneħħew 1,400 tunnellata f’terrapien mill-mini qabel l-ewwel xita

Qabel jibdew l-ewwel ħalbiet tax-xita, ħaddiema mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi neħħew mal-1,400 tunnellata ta’ ħmieġ u terrapien mill-mini li tħaffru taħt l-art fis-snin li għaddew bħala parti minn proġett nazzjonali biex jindirizza l-isfidi tal-għargħar.

Ħamsa u għoxrin impjegat tal-gvern huma dedikati f’xogħol biex is-sistema ta’ mini taħt l-art li saret biex tilqa’ ilma tax-xita u tevita għargħar tinżamm f’livell tajjeb. Il-proġett jilqa’ ilma tax-xita minn 12-il lokalità fosthom Birkirkara, l-Imsida, Wied il-Għajn, Ħaż-Żabbar, Ħal Qormi u l-Marsa.

Fi żjara f’waħda mill-mini tal-proġett li tibda f’Ħ’Attard, il-project leader Karm Mifsud Borg qal li l-eżerċizzju ta’ tindif tlesta qabel jibda l-istaġun tax-xita u b’hekk l-ilma jibqa’ miexi mingħajr xkiel. “Ħafna kostruzzjoni, ħafna trabijiet jiġru fit-toroq, u qed insibu ħafna iktar materjal li jidħlilna fil-mina, kruċjali ħafna għax jekk ikollok il-materjal, l-ilma ma jimxix kif suppost jimxi, u barra minn hekk meta joħroġlok f’Tax Xbiex fejn hemm il-baħar, se tħammeġ il-baħar iżjed.”

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg, qal li l-proġett kien sewa 54 miljun Ewro u kellu ħames komponenti. Żied li dan il-proġett qed jgħin b’mod dirett lil madwar 16,700 persuna u 4,500 proprjetà fil-lokalitajiet involuti. Irrimarka li hemm aktar minn 200,000 persuna li jivvjaġġaw bil-karozzi tagħhom minn dawn l-inħawi li m’għadhomx jesperjenzaw l-livelli ta’ għargħar bħal qabel.

“Proġett li jilqa ammont ta’ ilma minn diversi lokalitajiet, ir-residenti u l-familji ta dawk il-lokalitajiet ikunu qed jieħdu xi ftit tan-nifs mill-għargħar li jkun ikkawżat mill-maltempati uħud minnu jiġi maħżun fil-ġibjuni li għandu l-gvern u l-kumplament jintefa lura nadif fil-baħar,” qal il-Ministru.

Ix-xogħol fuq it-tħaffir tal-mini kien tlesta ħames snin ilu.