Ambjent
Ara: Jixxabbtu mas-siġar fil-Blata l-Bajda

Kważi t-tamal kollu jiġi impurtat mil-Lvant Nofsani. Erba’ snin ilu, David Debono ħa l-inizjattiva li jibda jikkultiva t-tamal. Qal li kuntrarju għal dak li jaħsbu ħafna, il-klima ta’ Malta hi ideali għal din il-frotta ħelwa u bnina. Television Malta dalgħodu segwa l-qtugħ tat-tamal minn siġar tal-palm fil-Blata l-Bajda.

It-Tnejn filgħodu, attività mhux tas-soltu mas-siġar tal-palm fit-triq ewlenija tal-Blata l-Bajda. Bl-għajnuna tal-ħbula, żewġ xabbaturi telgħu b’ħeffa mas-siġar li hemm f’nofs it-triq, u b’minġel bdew jaqtgħu l-għenieqed tat-tamal u jixħtuhom għal isfel. It-tamal nġabar minn tfal tal-iskola St Francis ta’ Bormla u xeħtuh fil-kannestri.

David Debono, li erba’ snin ilu beda jikkultiva t-tamal qal li siġra b’saħħitha kapaċi tagħti aktar minn 300 kilo ta’ tamal. Qal li huwa jaf li f’Malta hawn tal-inqas għaxar varjetajiet ta’ tamal.

“Hawn varjetajiet tajbin li tħawlu mill-awtoritajiet, li huma fil-ġonna u dan huma ta’ varjetà tajba u hawn diversi postijiet naħseb li hawn iktar minn ħamsin siġra kbar tajbin. Pereżempju din l-area biss biss hawn disgħa li huma żalul. Il-varjetà tagħhom fl-Eġittu tiġi kkunsmata kollha friska bħat-tuffieħ.”

Skont is-Sur Debono, il-klima ta’ Malta hija eċċellenti għat-tamal, tant li qal li l-Eġizzjani li tawh il-parir biex jibda jikkultiva t-tamal qalulu li t-togħma tat-tamal ta’ Malta hi aħjar minn dik tal-Eġittu.

“Jien mort diversi drabi l-Eġittu minn żmien ilu u dejjem interessajt ruħi u dejjem kont konxju kif fl-Eġittu, fil-Libja, f’Tuneż, l-Alġerija, li huma klima li tixbaħ ħafna lil Malta isir it-tamal u hawn Malta ma jsirx. U ippruvajna esperiment erba’ snin ilu u kien pożittiv.”

Is-Sur Debono qal li t-tamal frisk iżommok fit-tul.

“Jgħidulek l-Għarab, pereżempju taxi driver il-breakfast tiegħu jixtri sitt tamliet li huma jgħidulu ‘belah’ meta għadu frisk għall-breakfast u jżommuh sa filgħaxija sakemm imur id-dar jiekol. Aħna qatt ma kellna opportunità li nieklu t-tamla minn ġos-siġra. Dejjem ġiet ġol-pakkett u l-bambin jaf meta kienet inqatgħet.”

Żied jgħid li apparti weħidhom, it-tamal hu ingredjent ewlieni f’ċerti torti u imqaret.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li għandhom jiġu investigati l-persuni kollha li ssemmew b’rabta mal-investigazzjonijiet fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Huwa qal dan meta kien mistoqsi…

Lokali

Il-protesta li saret fil-Belt Valletta lbieraħ seħħet mingħajr permess. Dan intqal fi stqarrija uffiċjali tal-Pulizija li qalu li sakemm saret il-protesta lbieraħ filgħodu, l-organizzaturi ta’ din il-protesta ma applikawx għall-permess, kif…

Kronaka

Riżultat tar-riħ qawwi li qed jaħkem il-gżejjer Maltin, tqaċċtu numru ta’ siġar fosthom waħda l-Mosta li waqgħet fuq vettura li kienet ipparkjata u oħra f’Sant’ Anton. Kelliema għall-pulizija qalet li…

Kronaka

Luana Borg, it-tfajla ta’ 14-il sena li lbieraħ kienet irrapportata nieqsa nstabet qawwija u sħiħa. Hija kienet irrapportata nieqsa wara li kienet dehret l-aħħar nhar il-Kunċizzjoni, 8 ta’ Diċembru viċin…

Aktar