Barranin
ARA: Jixxandar filmat ta’ Pulizija f’Chicago jispara u joqtol tifel ta’ 13-il sena

Il-Pulizija ta’ Chicago xandret filmat grafiku ta’ pulizija jispara u joqtol ġuvnott ta’ 13-il sena, li iktar tard ġie identifikat bħala Adam Toledo. Il-każ seħħ fid-29 ta’ Marzu.

Fil-filmat meħud mill-bodycam tal-uffiċjal tal-pulizija, dan jider jiġri wara l-ġuvnott u jordnalu jieqaf. Il-ġuvnott jidher jieqaf, filwaqt li l-Pulizija ordnalu jgħolli jdejh.

Fil-filmat il-ġuvnott jidher jiftaħ idejh bħal m’ordnalu l-pulizija, u f’id minnhom jidher oġġett. Fi frazzjoni ta’ sekonda tinstema’ sparatura u l-ġuvnott jaqa’ mal-art. Fil-post fejn waqa’ l-ġuvnott tidher pistola.

Il-Pulizija jinstema’ jgħid lill-ġuvnott biex jibqa’ mqajjem, waqt li pulizija oħra jaslu fuq il-post u jibdew is-CPR.

Intqal li l-Pulizija ssejħu fuq il-post wara li raġel ta’ 21 sena li kien fil-kumpanija ta’ Toledo spara tiri lejn karozza. Ir-raġel inqabad u ġie akkużat fil-Qorti.

Is-sindku ta’ Chicago, Lori Lightfoot, appellat għall-kalma. Hija qalet li s-soċjetà falliet lil Adam, u li “ma naffordjawx  infallu persuna oħra fil-belt tagħna.”

Dan huwa t-tieni każ li fih inqatel ġuvni mill-Pulizija f’temp ta’ ġimagħtejn, wara li Daunte Wright inqatel f’Minneapolis fil-11 t’April.