Lokali
Ara: Joey – tifel ferrieħi anki jekk ibati ħafna

It-tifel ta’ tliet snin Joey Mayer meta kien f’ġuf ommu tatu puplesija u sofra diżabilità f’moħħu. Il-ġenituri tiegħu, Patricia u Andrew qalu lil TVM li minkejja s-sagrifiċċji kbar, għalihom binhom huwa d-dinja u huma grati lejn Puttinu għax meta kienu fl-Ingilterra għall-kura sabu spalla minn Puttinu li offrewlhom fejn joqogħdu.

It-tbissima u l-ħlewwa ta’ Joey, tisraqlek qalbek, tifel li kieku mhux għax tkun taf ma tindunax li għandu xi tip ta’ diżabilità. L-istorja ta’ Joey tmur lura għal meta kien f’ġuf ommu. Omm Joey, Patricia tgħid li binha twieled normali, sakemm ta’ ħames xhur beda jsofri minn aċċessjonijiet.

Patricia Mayer qalet li “ta’ ħames xhur sirna nafu li kellu stroke waqt li kont pregnant u affetwawlu moħħu, u bażikament għandu nofs ġismu affettwat.”

Fi tmiem is-sena li għaddiet, Joey għamel operazzjoni fl-Ingilterra bil-għan li jwaqqfulu l-epilessija li l-ħsara li din tikkaġuna fil-moħħ. Il-ġenituri kellhom qattgħu xahar sħiħ l-Ingilterra għall-kura ta’ binhom u għadu bla ħlas fl-appartamenti ta’ Puttinu.

Patricia tgħid li l-appartamenti fil-qalba ta’ Londra huma bżonnjużi għall-familji bħalhom.

Patricia Mayer qalet li “Puttinu mn’Alla kienu huma għax kellna serħan il-moħħ, kellna fejn noqogħdu u kieku kellna bżonn iktar minn xahar stajna nibqgħu hemm”.

Missier Joey, Andrew qal li qatt ma basar li kellu jkun hu u familtu li jiġu bżonn Puttinu.

Andrew Mayer qalet li “għinuhom għax meta Angele qaltilna li ħa ttina accomodation, f’moħħi ġewni l-flashbacks tad-donations li tajt minn buti, qisu investiment li kont qed nagħmel jiġifieri.”

Nhar il-Ġimgħa l-Kbira, Puttinu Cares se jorganizza maratona ta’ ġbir ta’ fondi waqt il-programm Xarabank, u dan biex tfal bħal Joey, isibu l-appoġġ li għandhom bżonn.