Festi
ARA: Joħolqu presepju b’tema Maltija fl-Imġarr u f’Ħad-Dingli

Kull festa għandha l-armar tagħha. L-istess il-Milied. Dan jgħodd ukoll għall-knejjes li għandhom armar partikolari għall-perjodu li jibda minn għada filgħaxija u jissokta sal-Epifanija.

Mad-damask, il-gandlieri, id-drapp u l-ġulbiena, f’uħud mill-knejjes tintrama wkoll rappreżentazzjoni tal-ġrajja tat-twelid ta’ Ġesù permezz ta’ presepju. Fis-servizz li jmiss se nżuru żewġ knejjes ta’ rħula pittoreski li ramaw presepju kbir marbut mal-ambjent rurali jew postijiet fil-lokalità tagħhom. B’dan riedu wkoll iwasslu messaġġ.

Isem Dun Edgar Vella hu marbut mal-Presepju Naplitan li ta’ kull sena jarma fil-Katidral tal-Imdina. Din is-sena iżda ħaseb li jagħmel presepju fuq stil differenti għall-parroċċa ta’ raħal twelidu: l-Imġarr.

”Bħala setting għamilna razzett troglodita jiġifieri razzett imqabbad ġo għar kif naraw in-naħa tal-Pwales, l-Imtaħleb u l-Mellieħa u postijiet oħra tipikament b’razzett antik Malti,” qal Dun Edgar Vella.

Dun Edgar Vella kompla jgħid li l-presepju jinkludi l-karatteristiċi ta’ razzett Malti.

Is-setaħ, l-għorfa, il-miżieb, il-marbat, il-barumbara u elementi oħrajn li jkomplu jsebbħu dan it-tip ta’ bini folkloristiku bħalma hu qargħa aħmar, il-ħamiem fuq il-bejt, ir-rewwieħa, il-ħarrieġa, il-ħasira u dak kollu li joħloq ambjent nostalġiku tar-razzett Malti.

Għal qalbu tant, uża wkoll it-teknika Naplitana – li jċaqlaq u jpoġġi l-pasturi kif jixtieq – mal-ilbies tradizzjonali Malti.

Bħalma ngħidu aħna l-barjola, it-trieħi, is-sdieri, il-qliezet parikolari tal-irġiel, l-għonnelli tan-nisa u ħafna elementi oħra jidhru preżenti f’dawn il-pasturi biexi l-karattru tagħhom ikun Malti, lokali u raħli wkoll.

F’dan l-ambjent post ukoll għall-pasturi Maltin bħar-Rieqed, l-Għaġeb u x-Xabbatur li kollha għandhom messaġġ xi jwasslu.

U fil-knisja ta’ Ħad-Dingli, il-grupp tal-Abbatini ħadem presepju oriġinali ambjentat f’postijiet fil-lokalità. Għażlu li x-xena tat-twelid ta’ Ġesù tintrama fuq ġewwa ta’ mudell tal-Knisja Arċipretali.

Mattias Attard qalilna ”ovvjament it-twelid ta’ Ġesù hu l-qofol tal-istorja tall-Milied u aħna ħassejna li l-Knisaj hi ċ-ċentru tal-ħajja spiritwali tal-komunità u hi tħeġġiġna biex dak li nirċievu aħna nxandruh mal-oħrajn.”

Il-presepju ma jieqafx biss max-xena tal-għar ta’ Bethlehem fil-knisja, iżda jinkludi mudelli ta’ binjiet u siti oħra storiċi. Iż-żewġ kappelli f’din il-lokalità ntużaw għal żewġ xeni partiklulari: dik fil-ħruġ tar-raħal għat-tħabbira tal-Anġlu lill-Madonna u l-kappella fuq l-irdum għall-ħarba lejn l-Eġittu. Mudell ta’ għorfa li hemm ħdejn din il-kappella fit-tarf tal-irdumijiet intuża bħala l-post mnejn bdew il-vjaġġ is-slaten Maġi waqt li remissa qalb l-għelieqi tirrappreżenta r-residenza ta’ Eliżabbetta għal-laqgħa li l-Madonna kellha magħha. Mudell ta’ razzett u għar kbir joffru l-isfond għall-post ir-rgħajja rċevew l-aħbar mill-anġlu li twieled il-Messija.

Aħna nixtiequ nuru lin-nies li l-istorja tat-twelid ta’ Ġesù m’hijiex l-istorja tradizzjonali biss li nafu, li nsibuha fil-ktieb. Hi storja li tista’ tgħix magħna llum fl-istorja u l-ibliet tagħna. Ilna għaddejjin fuq dan il-proġett sabiħ, madwar xahar, xahar u nofs. Użajna ħafna materjal riċiklat. Kien hemm ħafna nies involuti fosthom l-abbatini l-kbar u l-ġenituri tal-abbatini li ġabulna ħafna materjal riċiklat bħal jablo u njam.