Lokali
ARA: Kaċċatur juri tifel kif jispara senter fil-Miżieb

BirdLife Malta qed ixxandar filmati li juri kaċċatur flimkien ma’ minorenni fil-Miżieb. Fi stqarrija, BirdLife Malta qalet li l-kaċċatur, li huwa ħu s-Segretarju Ġenerali tal-FKNK, kien qed jispjega lil tifel kif jispara senter fil-Miżieb. Spjegat li l-filmat ittieħed fl-aħħar jum tal-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa.

Fl-istqarrija, BirdLife Malta qalet li l-filmati juru b’mod ċar li l-kaċċatur jidher jispjega lit-tifel kif iżomm senter ikkargat u jagħtih struzzjonijiet kif jispara. Qalet li dan hu l-istess persuna li s-sena l-oħra kien iffilmjat jagħmel l-istess ħaġa ma’ tifla, u s’issa għadu ma tressaqx il-Qorti għall-ewwel inċident.

Qalet li l-filmat juri l-attitudni vulgari u ta’ bullying mill-kaċċaturi fil-konfront tagħha. Spjegat li s-serjetà tar-riskju tal-kaċċa, speċjalment fil-preżenza tat-tfal, tidher ċar meta f’mument minnhom is-senter jiżloq, jispara bi żball u t-tir seta’ faċilment laqat lit-tifel jew lill-kaċċatur.

Hija tenniet li l-għaqdiet tal-kaċċaturi verament tilfu l-kontroll tal-membri tagħhom u d-dixxiplina fi ħdan il-komunità tal-kaċċaturi hija xi ħaġa fittizja bħalma hija l-policy ta’ tolleranza zero.

BirdLife Malta sostniet li l-Miżieb jirrappreżenta verament mekka ta’ illegalitajiet kif jidher ċar għal darba oħra mill-illegalitajiet rampanti li kellna din is-sena. Kompliet tgħid li se tibgħat rapport dettaljat lill-Kummissjoni Ewropea.

Hija faħret l-azzjoni immedjata li ttieħdet f’dan l-inċident partikolari mill-Environmental Protection Unit (EPU) tal-Korp tal-Pulizija.