Lokali
ARA: Kappelli f’żoni rurali wkoll jiċċelebraw festi ċkejkna

Il-festi titulari fl-istaġun sajfi ġew iċċelebrati kollha. Wara tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar, ikun fadal xi festi sekondarji, iżda aktar numerużi minn hekk huma sensiela ta’ festi ċċelebrati fil-Ħdud li ġejjin f’uħud mill-ħafna kappelli u knejjes żgħar li għandna f’Malta u Għawdex.

Television Malta żar tnejn minn dawn il-kappelli: ta’ San Mikiel fl-Iklin, li fejn tinsab tippermetti li tkun miftuħa biss f’dan iż-żmien tas-sena, u oħra ddedikata lil Santa Katerina li tinsab f’irħajjel fil-limiti tar-Rabat, iddedikat lill-istess qaddisa.

Il-kappella ddedikata lil San Mikiel Arkanġlu fl-Iklin, li tinsab qalb l-għelieqi f’nofs it-telgħa li tagħti għan-Naxxar, tkun miftuħa għal pubbliku darba fis-sena biss: fil-jum tal-festa. Dan għaliex il-kappella tinsab biswit il-kumpless tan-nar ta’ Ħal Lija msemmi wkoll għal San Mikiel. Il-festa tiġi ċċelebrata wara li tkun għaddiet il-festa tas-Salvatur u l-festi l-oħra li għalihom jinħadem nar minn dan il-kumpless u għalhekk bħalissa fil-kamra tan-nar ta’ San Mikiel ma jkunx hemm xogħol pirotekniku.

“Din tkun magħluqa din il-kappella, ma jsirx quddies ġo fiha matul is-sena, però tinfetaħ fil-jum tal-festa u ssir quddies fil-jum tal-festa biss għall-5.30pm tal-lejla,” spjega Jesmond Bezzina, Membru Għaqda tan-Nar San Mikiel.

Il-festa ġiet iċċelebrata fi tmiem din il-ġimgħa u wara l-quddies annwali ssir fiera b’logħob għat-tfal u divertiment għall-familja kollha. Kif mistenni, mill-inħawi jinħaraq logħob tan-nar tal-art u tal-ajru.

Il-festa ta’ San Mikiel illum

Dawn il-festi żgħar jissukktaw il-Ħadd li ġej, fosthom dik ta’ Santa Katerina f’kappella bejn ir-Rabat u Ħad-Dingli. F’dan l-irħajjel fiż-żona magħrufa bħala “Santa Katarina tad-daħla”, jgħixu madwar 15-il familja. Bejniethom dawn jorganizzzaw il-festa fuq tlett ijiem b’quddiesa solenni bil-paniġierku, purċissjoni, marċi, u anke xi ftit logħob tan-nar.

Għall-kuntrarju tal-kappella ta’ San Mikiel fl-Iklin, fil-kappella ta’ Santa Katarina tad-Daħla tiġi ċċelebrata quddiesa kull nhar ta’ Sibt filgħaxija u jiċċelebraw ukoll il-funzjonijiet reliġjużi tas-sena kollha.

Fl-aħħar xhur, beda wkoll restawr fil-kappella, kif spjega l-Viċi Arċipriet tal-Parroċċa tar-Rabat, Dun Michael Zammit, li huwal-prokuratur tal-kappella.

“L-ewwel irranġajna l-altar u issa tranġat ukoll l-art u issa l-pass li jmiss huwa li niżbgħu l-knisja u anki nagħmlu sistema tad-dawl ġdida ħalli jissebbaħ ukoll il-mod kif tiddawwal il-knisja,” spjega Dun Zammit.

Il-gvern irrestawra z-zuntier tal-kappella fejn sar taraġ ġdid u malli tgħaddi l-festa se jibda r-restawr fuq il-faċċata tal-kappella. F’dan l-irħajjel imdawwar b’kampanja mill-isbah, hemm it-tradizzjoni li s-sagristan tkun mara. Bħalissa tieħu ħsieb, Lydia Galea.

“Jeħodli naqra xogħol għax għandi l-familja u rrid nieħu ħsieb il-mummy u l-missieri wkoll għax noqgħod magħhom, imma nagħmlu mill-qalb u jinteressani għax nieħu pjaċir anki nara s-Sibt jiġu n-nies għall-quddies u jgħiduli kemm għandkom sabiħ,” tenniet Galea.

Is-Sinjura Galea hija t-tielet sagristan ta’ din il-kappella. Qabilha kien hemm Theresa Bugeja li ħadet ħsieb il-kappella għal 26 sena sħaħ u qabel Pawla Scicluna magħrufa bħala l-Bebbuxija.