Lokali
Ara: Kelba tal-kaċċa tisqi bi mħabba sitt iqtates li nstabu abbandunati f’kaxxa tal-kartun

Il-kelba tal-kaċċa Willow, li hija tar-razza English Setter, qed tisqi sitt ifrieħ tal-qtates li nstabu abbandunati f’kaxxa tal-kartun fis-Siġġiewi. Kaxxa, li nstabet minn sid Willow, Lee Grima li malli ntebaħ bil-frieħ mitluqa quddiem il-garaxx tar-residenza tiegħu tahom saqaf fuq rashom minnufih.

F’kummenti lil tvm.com.mt Lee spjega li l-frieħ, li kien fihom daqs il-pala t’idu, ramiehom barra xi ħadd u li ma ħasibhiex darbtejn biex jagħtihom kenn f’daru minkejja li fir-residenza tiegħu diġà kellu lil Willow u lill-ġriewi tagħha.

Sid Willow, li huwa kaċċatur, qal li jumejn wara li daħħal lill-frieħ f’daru sab lill-kelba maġenb il-qtates. Sabha, tisqihom il-ħalib minn tagħha peress li kien għad kif kellha tmint iġriewi. Spjega, li minkejja l-fatt li l-ħalib kien waqfilha għax il-ġriewi kienu kibru, Willow reġgħet bdiet tipproduċih għall-qtates. Ħalib, li fi kliem il-veterinarju li għamel kuntatt magħha Lee, jista’ jittieħed anki mill-qtates.

Lee stqarr ma’ dan is-sit li l-ġest qalbieni ta’ Willow impressjonah bil-bosta, aktar u aktar il-għaliex Willow imdorrija tkun miegħu għall-kaċċa. Qal, li ġab għajnejh wara widnejh kif Willow intebħet li l-frieħ ma kienu f’qagħda xejn tajba u laqgħethom bi mħabba liema bħalha bla xkiel.