Kronaka
ARA: Kemm ilha mejta persuna? Twieġeb il-forensika

Il-każ ta’ Janet Harvey l-Ingliża li nstabet mejta f’San Pawl il-Baħar ma kienx diffiċli għall-investigaturi biex jistabbilixxu kemm kienet ilha mejta għaliex hemm ix-xhieda ta’ żewġha. Madankollu, f’każi oħrajn ix-xjenza forensika hija kruċjali biex jiġi stabbilit ċerti fatti dwar il-mewt. TVM staqsa lill-espert forensiku t-tabib Mario Scerri x’ifittxu l-esperti biex jistabbilixxu kemm persuna tkun ilha mejta.

Waqt li għamilha ċara li mhu jirreferi għall-ebda każ li jinsab quddiem il-Qorti, it-tabib Mario Sceerri spjega li meta persuna tmut mill-ewwel jibdew jibbiesu l-muskoli fi proċess magħruf bħala ‘rigor mortis’ u skont kemm muskolu jkun ibbies, ikunu jistgħu jiddeterminaw kemm il-persuna tkun ilha mejta. Barra minn hekk, josservaw ukoll il-kulur tal-katavru.

“Meta persuna tmut sa siegħa, siegħa u nofs wara jibda jkollok rigor mortis fil-muskoli ż-żgħar tal-wiċċ u fuq dawk tas-swaba tal-idejn, dan jibda jinfirex sakemm wara tliet sigħat jifforma fil-muskoli kollha, jibqa’ iebes il-katavru u mbagħad wara jumejn jerġa’ jmur bl-istess mod bħal ma ġie. Jiġifieri jekk issib katavru li jkun semi flaccid jew flaccid, tgħid dan ilu aktar minn tliet ijiem jew jumejn mejjet. Il-hypostasis jgħaddilek minn proċess ieħor, wara għaxar sigħat isir fiss. Allura nieħdu idea li dan il-katavru ilu static għal mill-inqas 10 sigħat.”

Dr Scerri qal li t-temperatura tal-ġisem tindikalhom b’ċertu eżattezza kemm il-persuna tkun ilha mejta għalkemm diversi fatturi jistgħu jagħmlu d-differenza.

“Rigor mortis li jifforma aktar malajr f’persuni aktar ħoxnin għax iżommu aktar is-sħana filwaqt li f’persuni li jkunu debilitated, cachexia, jiġifieri jkollhom xi mard terminali bħal cancer, ikollhom muscle wastage, dawk ikunu rqaq u allura jifforma inqas malajr.”

Meta persuna tkun ilha mejta, l-esperti jqisu bosta fatturi fosthom il-post fejn jinstab il-katavru għaliex jekk ikun espost għall-elementi, il-proċess ta’ dekompożizzjoni jgħaġġel ħafna aktar.

“Fatturi oħra importanti huma l-formazzjoni tal-bajd tad-dubbien u l-maggots li jagħmlu ħerba sħiħa sa hemm studju, antropoloġija, illi tistudja l-lifecycle tal-maggots, allura tkun tista’ tieħu ideat ċari ta’ kemm bejn wieħed u ieħor ikun ilu mejjet il-persuna.”

Żied jgħid li l-katavri li jinġabru mill-baħar, ikollhom bħal lega bajda, qisha xemgħa li tipproteġi l-katavru u l-katavri li jkunu fis-sħana jiffurmaw dak li hu magħruf bħala ‘mummification’. Dr Scerri qal li r-rata ta’ dekompożizzjoni tiġi affetwata wkoll mill-istat ta’ saħħa ta’ persuna. Spjega li persuni li jkunu qed jieħdu xi pilloli u jkollhom ħafna ilma, jew ikunu qawwijin, ir-rata tat-tħassir tkun aktar mgħaġġla minn ta’ persuni rqaq. It-Tabib Scerri qal li wara jumejn, tliet ijiem l-aktar, l-organi fil-katavru jagħtu wkoll sinjali oħra importanti fix-xjenza forensika biex jiġu determinati ċerti fatti fuq il-katavru.

Ara l-intervista sħiħa tat-Tabib u espert forensiku Mario Scerri hawnhekk:

Aħbarijiet Oħra
Storja

Magna ta’ ajruplan tal-gwerra, li possibilment iġġarraf fit-Tieni Gwerra Dinija, kienet irkurprata minn qiegħ il-baħar fil-bokka tal-Port il-Kbir wara ħidma konġunta bejn l-Università ta’ Malta, Heritage Malta u l-Forzi Armati….

Teknoloġija

Wara l-ajruplani, issa anke l-vetturi bdew jiġu jiġu mgħammra b’kaxxa sewda, li normalment tkun f’nofs il-vettura. Għalkemm s’issa din mhijiex obbligatorja, aktar manifatturi tal-karozzi qed jinkluduha. Fost aktar miżuri biex…

Infrastruttura

Waħda mill-kawżi ewlenin ta’ ħruġ ta’ drenaġġ fit-triq u fil-baħar ġejja minn katusi tal-ilma tax-xita li qed jitqabbdu direttament mas-sistema tad-drenaġġ. Jirriżulta li ħafna ma jafux li dan hu l-każ…

NGOs

Seba’ għaqdiet mhux governattivi Maltin se jwettqu tmien proġetti fl-Afrika bl-għajnuna ta’ madwar nofs miljun ewro mill-programm tal-għajnuna għall-iżvilupp tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin. Il-proġetti jvarjaw minn skola ġdida għall-bniet f’żona rurali…

Aktar