Lokali
Ara: “Kienu jgħajruni ħafna” – titbikkem xħin tara ritratt ta’ żgħożitha

Meta kienet iżgħar, il-mudella Geraldine Ellul Magri ġiet mgħajra kemm-il darba. Kliem iebes, li sikwit kissirha.

Waqt li kienet qed titkellem dwar l-isfidi li għaddiet minnhom minħabba l-apparenza tagħha waqt il-programm ‘Kuxjenza’, Geraldine emozzjonat ruħha. Malli r-reġija tellgħet ritratt ta’ żgħożitha, hija spiċċat bid-dmugħ f’għajnejha.

Geraldine stqarret fil-beraħ li sabitha diffiċli immens biex tasal taċċetta lilha nnifisha. Qalet, li diversi kienu jaqbdu magħha u li kienet waslet fi stadju li spiċċat kważi bla ħbieb. Żiedet, li qatt ma basret li se tasal timmudella. Maż-żmien, iżda, rabbiet qoxra.

Geraldine Ellul Magri għandha 42 sena u hija omm ta’ tlett itfal. Minkejja li kienet tbati minn sfidi ta’ saħħa mentali u ssieltet ma’ problemi ta’ obeżità, irnexxielha mhux biss tnaqqas mill-piż iżda anki timmudella u tirbaħ it-titlu ta’ Mrs Malta 2020.

Ħadd m’għandu jingħalaqlu l-bieb għall-mod ta’ kif jidher. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-programm ‘Kuxjenza’ tal-lejla li tħaddet dwar l-apparenza.

‘Kuxjenza’ jixxandar kull nhar ta’ Ġimgħa fis-7pm fuq TVMNEWS+.