Lokali
Ara kif il-Gvern qed juża l-flus li daħħal mill-programm taċ-ċittadinanza

L-Isptar Mater Dei se jimxi fuq il-passi ta’ aktar minn mitt sptar ieħor madwar id-dinja u se jbiddel it-tagħmir mediku fis-swali tal-kura tal-mard tal-qalb. Dan ser isir bi spiża ta’ kważi miljun ewro li l-flus għaliha se jinħarġu mill-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali li jamministra l-parti l-kbira tad-dħul mill-programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment. Il-fond ma jikolx minn ġewwa, iżda jgħin b’għotjiet soċjali bħal din, minn dħul li jagħmel mill-investimenti.

Sebgħin fil-mija tad-dħul finanzjarju mill-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment imorru għand aġenzija tal-Gvern li tamministra l-Fond Soċjali u tal-Iżvilupp Nazzjonali. Il-Kap Eżekuttiv, Raymond Ellul, tana rendikont tal-flus fil-fond.

“Sal-aħħar ta’ Jannar ta’ din is-sena daħlu ‘l fuq minn €360 miljun. S’issa l-fond investa ftit ‘il fuq minn €80m u l-bilanċ tal-flus jinżammu f’kont segregat mal-Bank Ċentrali f’isem l-NDSF,” qal Ellul.

Il-Kap Eżekuttiv spjega li dan hu sovreign wealth fund jew fond ta’ investiment tal-istat li jinvesti l-flus biex ikollu dħul ieħor għall-fond waqt li jippreserva l-kapital. Qal li f’dan il-każ id-dħul hu minn sors wieħed: il-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investimet. Dan b’kuntrast mad-dħul ta’ funds simili ta’ stati barranin li jiġu fost l-oħrajn mill-esportazzjoni taż-żejt u l-gass. Fl-ewwel investiment fit-tul li daħal għalih, il-fond ħallas miljuni ta’ Ewro biex akkwista ftit anqas minn tlieta fil-mija tal-ishma tal-Bank of Valletta. Is-Sur Ellul spjega li bl-investimenti li qed isiru qed jinħoloq sors ieħor ta’ dħul għall-fond.

“Għalkemm aħna fin-natura sovreign wealth fund, in-natura tal-fond tagħna hi differenti. Fil-fatt anke mill-isem tinduna li għandna għan socjali wkoll lejn fejn inħarsu. Allura apparti investimenti finanzjarji li għamilna, għadna kemm ħabbarna li tajna l-ewwel social grant lil Mater Dei.”

Ibbenefika d-Dipartiment tal-Kardjoloġja li ngħata €950,000 biex jimmodernizza t-tagħmir mediku ta’ żewġ swali. B’din l-għotja qed jiġi asigurat li l-kura lil aktar minn 3,000 pazjent fis-sena se tkun aktar effettiva. Intqal li t-tagħmir il-ġdid se jintroduċi interventi ġodda, mas-70 diġa’ offruti, li jnaqqsu ż-żmien li l-pazjent iqatta’ l-isptar. Se jonqsu l-pazjenti li jkollhom jiġu riferuti għal kura barra minn Malta. Bl-apparat il-ġdid, ir-radjazzjoni li jkunu esposti għaliha l-pazjenti u t-tim mediku waqt l-interventi se tonqos bin-nofs.

“Id-deċiżjonijiet li nieħdu kuljum huma intizi biex nippreservaw il-kapital pero fl-istess ħin mid-dħul li ndaħħlu nkunu nistgħu ngħinu f’dawn l-inizjattivi. L-iskop tal-aġenzija mhix li tidduplika dak li jsir mill-gvern imma fejn mhemmx fondi allokati, eżempju ma jistgħux jiġu fondi mill-EU jew EEA grant, il-fond jista’ jħares lejn il-proġett u jikkunsidrah.”

Deċiżjonijiet dwar kif jiġu amministrati l-flus fil-fond jittieħdu mill-Bord tal-Gvernaturi, imexxi mic-Chairman David Curmi. L-aġenzija għandha wkoll bord konsultattiv li jeżamina l-proposti li jirċievi, jara li huma fl-interess pubbliku u ta’ importanza nazzjonali u jagħti r-rakkomandazzjoni tiegħu.

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

L-operaturi tat-trasport fl-iskema ta’ trasport b’xejn għall-istudenti tal-iskejjel tal-Knisja u indipendenti żdiedu bi 18 oħra. Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni qal li l-operaturi tat-traspost telgħu għal 75. Il-Ministeru qal li ser ikun…

Lokali

Il-Moviment Patrijotti Maltin organizza mixja mill-Ħamrun sal-Marsa b’solidarjetà mar-residenti. Henry Battistino f’isem il-Moviment qal li b’din il-mixja jridu juru s-solidarjetà tagħhom għaliex qal li dawn ir-residenti qed isofru konsegwenzi minħabba…

Lokali

Il-Professur Alan Deidun qal li fl-ibħra Maltin feġġet ħuta invażiva magħrufa bħala Siganus Luridus jew Qawsalla. Fuq Facebook, Prof Deidun spjega li l-ħuta oriġinat fil-Baħar l-Aħmar u l-Oċean Indjan. Hija ġiet…

Aktar