X

ARA: Kif il-lampuka, il-falkun u l-granċ kienu fost ħlejjaq Maltin li spiċċaw fl-Istati Uniti

NEW YORK, NY - SEPTEMBER 08: A model walks the runway during the CHARLES AND RON show at New York Fashion Week Powered By Art Hearts Fashion at The Angel Orensanz Foundation on September 8, 2018 in New York City. (Photo by Arun Nevader/Getty Images for Art Hearts Fashion)

Fil-jiem li għaddew, Charles u Ron komplew jagħtu togħma tal-identità Maltija fl-Istati Uniti hekk kif il-wiżgħa, il-granċ, il-falkun u l-lampuka ntużaw bħala disinn fuq il-kollezzjoni li jmiss tad-disinjaturi Maltin.

Il-kuluri ċari bħall-oranġjo, l-isfar, l-ikħal, il-vjola u l-aħdar lewn il-menta ddominaw fuq il-passarella tal-ġimgħa tal-moda ta’ New York, flimkien mal-iswed u l-abjad li huma l-kuluri timbru tad-disinjaturi Maltin.

Bħala tessuti, jiddomina s-satin, ix-chiffon, it-tulle, id-denim u l-introduzzjoni tad-denim irrakkmat, kif ukoll l-ilbiesi eleganti bl-aċċessorji li huma rinomati għalihom Charles u Ron.

Il-mużika fl-isfont kienet Maltija wkoll għax id-disinjaturi għażlu l-kanzunetti ta’ The Travellers biex jakkumpanjaw lill-mudelli fuq il-passarella.

Intant, il-kantanta Amerikana Sevyn Streeter attendiet għal waħda mis-sensiela ta’ attivitajiet li qed isiru bħalissa waqt il-ġimgħa tal-moda ta’ New York b’libsa tad-disinjaturi Maltin Charles u Ron.

Din mhix l-ewwel darba li personalitajiet mix-xena tal-ispettaklu Amerikana libsu l-ħwejjeġ tad-disinjaturi Maltin, hekk  kif bħalissa reġgħu jinsabu fi New York biex iniedu l-kollezzjoni ġdida tagħhom għar-Rebbiegħa u s-Sajf tas-sena d-dieħla.

 

 

Norma Saliba :