Kronaka
ARA: Kif Lamborghini faqgħet ħajt ta’ residenza ma’ mitħna fiż-Żejtun

Inċident ikrah tat-traffiku l-lejl li għadda f’tarf iż-Żejtun ħalla żewġ persuni midruba, fosthom mara fil-periklu tal-mewt.

L-inċident kien rappurtat għall-ħabta tan-nofs siegħa ta’ filgħodu meta sewwieq jidher li tilef il-kontroll tal-vettura li kien qiegħed isuq, Lamborghini Urus, u qabad ic-central strip li hemm fi Triq Bormla, iż-Żejtun. Il-vettura telgħet fuq ic-central strip u baqgħet sejra dritt għal diversi metri sakemm faqgħet il-ħajt ta’ kantuniera ta’ residenza li hemm ma’ mitħna. Mat-triq, il-vettura ċarrtet il-barrikati ta’ ilqugħ li hemm biex jipproteġu l-binja u qaċċtet arblu tad-dawl li spiċċa fuq il-bejt tar-residenza.

Il-vettura kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 50 sena li jgħix Ħal Tarxien u miegħu kien hemm bħala passiġġiera martu ta’ 45 sena.

Fuq il-post issejħu membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li assistew biex iż-żewġ persuni nħarġu mill-vettura. Huma ttieħdu l-isptar Mater Dei b’ambulanza, bir-raġel ġie ċertifikat li sofra ġrieħi gravi, filwaqt li l-mara sofriet minn ġrieħi serji.

Il-Maġistrat tal-Għassa, Joe Mifsud, qed imexxi l-inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qed jitmexxew minn uffiċċjali mill-għassa taż-Żejtun.

Ara wkoll:

Mara fil-periklu tal-mewt u raġel midrub f’inċident tat-traffiku fiż-Żejtun