Turiżmu
ARA: Kif qed iħossuhom l-ewwel turisti li niżlu Malta llum?

Fl-ajruport internazzjonali kien hemm ħafna emozzjonijiet fost il-ħaddiema tal-ajruport, il-ħaddiema tal-linji tal-ajru u l-passiġġieri barranin li waslu Malta fuq l-ewwel titjriet li waslu l-ajruport wara t-tneħħija tar-restrizzjonijiet relatati mal-Covid-19.

Il-Ministru għat-Turiżmu, Julia Farrugia Portelli, qalet li għalkemm it-triq hija twila, il-mira hi li sa tmiem din is-sena, Malta tilqa’ 700,000 turist.

Malta ħadet pass biex is-settur tant importanti tat-turiżmu jerġa’ jibda jirranka bil-ftuħ tal-ajruport Internazzjonali ta’ Malta ghal titjiriet lejn 20 pajjiz wara ftit iktar minn mitt ġurnata magħluq għat-titjiriet kummerċjali minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MIA, Alan Borg, deher sodisfatt immens li l-ajruport reġa’ beda jieħu l-ħajja bil-passiġġieri u l-ajruplani. “Hija ġurnata emozzjonanti ħafna għalija u t-tim kollu, mhux se tkun faċli, kull bidu diffiċli f’kollox, imma nemmen li bit-‘team effort’ ta’ kulħadd nistgħu nersqu lejn in-numri fl-iqsar żmien possibli.”

Il-Ministru għat-Turiżmu, Julia Farrugia Portelli u l-Ministru tal-Ekonomija, Silvio Schembri qalu li l-ftuħ tal-ajruport hu sinjal li qed nirritornaw lejn in-normalità ġdida.

“L-ajruport mhuwix attività ta’ passiġġieri biss iżda għandek diversi attivitajiet oħrajn fosthom MROs, cargo u allura dak hu input qawwi ħafna għall-attività ekonomika tagħna filfatt għada se nħabbru investiment kbir f’dan is-sens,” qalet il-Ministru Schembri.

“11-il titjira llum, 10 oħra għada u sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa total ta’ 81 titjira, bidu modest imma minn x’imkien trid tibda, inħarsu ‘l quddiem biex sal-aħħar ta’ din is-sena nilħqu l-mira tagħna ta’ 700,000 turist,” qalet il-Ministru Farrugia.

Is-sena li għaddiet żaru Malta total ta’ żewġ miljuni u seba’ mitt elf persuna li hu stmat li kkontribwew madwar kwart tal-ġid ekonomiku ġġenerat.

Mill-15 ta’ Lulju li ġej ir-restrizzjonijiet fuq id-destinazzjonijiet minn u lejn Malta se jispiċċaw bit-tama li l-ajruport – li xufier tat-taxi – fisser bħala l-pulmun tal-ekonomija, jerġa’ jibda jbaqbaq bl-attività u miegħu l-pajjiż kollu.

Sadanittant, l-ewwel turisti jew ħaddiema barranin li rritornaw Malta wara l-ftuħ tal-ajruport dehru fis-seba’ sema’ speċjalment dawk li waslu abbord it-titjira tal-Air Malta minn Ruma li ntlaqgħu bil-fjuri u rigal żgħir. Ara hawn x’kellhom xi jgħidu: