Lokali
ARA: Kif qed titwaqqa’ ċ-ċumnija l-kbira ta’ Delimara?

Iċ-ċumnija ta’ Delimara li għal 24 sena kienet l-iktar struttura distintiva għalkemm mhux l-isbaħ waħda għal Marsaxlokk ser tibda tinħatt b’teknoloġija li għall-ewwel darba ser tintuża f’Malta biex titwaqqa’ struttura bhal din.

Permezz ta’ lift mal-ġenb taċ-ċumnija, uffiċjali mill-Enemalta telgħu fil-quċċata taċ-ċumnija biex jispezzjonaw il-pjattaforma li minn fuqha ser jibdew ix-xogħlijiet tat-twaqqigħ taċ-ċumnija tal-konkos u l-ħadid.

Iċ-Ċermen tal-Enemalta, l-Inġinier Fredrick Azzopardi qal li l-kuntratturi Taljani minn General Smontaggi, li rebħu l-kuntratt wara sejħa għall-offerti, bdew iżarmaw l-istruttura interna taċ-ċumnija.

“S’issa bdejna nneħħu t-tubi tal-ħadid li jinsabu fiċ-ċentru taċ-ċumnija u fil-ġimgħat li ġejjin ser inkunu qegħdin inkissru ftit ftit il-konkos sakemm iċ-ċumnija tiżżarma kompletament,” spjega Azzopardi.

Dan ix-xogħol mhux neċessarjament isir kuljum għax meta t-temp ma jippermettix minħabba r-riħ ma jkunux jistgħu jaħdmu fuq iċ-ċumnija.

L-Inġinier Azzopardi spjega li madwar iċ-ċumnija ntramaw ħames pilastri tal-ħadid bl-istess għoli taċ-ċumnija. Magħhom intrabtet pjattaforma kbira li ddur maċ-ċumnija.

Il-pjattaforma titniżżel f’intervalli ta’ ftit metri biex b’mod sikur, permezz tal-makkinarju jitkisser il-ħitan tal-konkos biċċa biċċa.

“Il-makkinarju ser ikunu żewġ mini excavators bir-remote control u l-ħaddiema ser ikunu qed jużawhom biex ikissru ftit ftit il-konkos. Mhux makkinarju kbir ħafna biex il-pjattaforma tkun tista’ tiflaħ dan il-makkinarju,” qal Azzopardi.

Ftit ftit ikisser ikisser il-konkos taċ-ċumnija, il-konkos jaqa’ fiċ-ċumnija ġewwa, imbagħad jitneħħa l-materjal minn taħt. Huwa kkalkulat li nwaqqgħu madwar ħames metri kuljum.

Minn barra ċ-ċumnija, iż-żarmar tal-ewwel impjant f’Delimara, li ntefa’ f’April tas-sena li għaddiet, beda bit-tneħħija taż-żewġ boilers flimkien mat-turbini u tagħmir ieħor.

L-Inġinier Azzopardi qal ż-żarmar ta’ dan l-istazzjon qed isir b’konsultazzjoni kontinwa mal-awtoritajiet tal-ambjent u tas-saħħa u s-sigurtà. Huwa qal li l-iskart iġġenerat miż-żarmar ser jiġi separat fuq il-post u fejn ikun possibbli, il-materjal ser jiġi riċiklat.