Edukazzjoni
Ara kif se jkunu qed jiftħu l-iskejjel tal-Knisja

Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija ħabbar kif se jkunu qed jerġgħu jiftħu l-bibien l-iskejjel tal-knisja, wara r-rilaxxar ta’ miżuri mħabbra lbieraħ mill-awtoritajiet.

Fi stqarrija ntqal li l-Iskejjel tal-Knisja fil-livell kindergarten u primarju se jiftħu fiżikament nhar it-Tnejn 12 ta’ April, b’osservanza tal-protokolli tas-saħħa. L-iskejjel li kellhom sistema ta’ attendenza alternata minħabba l-ispazji li huma għandhom se jkomplu b’dik is-sistema.

Fl-istess waqt, l-iskejjel sekondarji se jkunu qed jibdew lezzjonijiet online nhar it-Tnejn, 12 ta’ April, biex imbagħad jiftħu fiżikament nhar l-Erbgħa, 14 ta’ April.

Intqal li kull skola se tiddeċiedi liema snin u liema klassijiet se jattendu dakinhar, ekwivalenti ta’ żewġ forms, bil-kumplament jibdew fiżikament il-Ġimgħa. Xi skejjel sekondarji wkoll għandhom sistema ta’ attendenza alternata minħabba spazju limitat.

Kien ikkonfermat li nhar l-Erbgħa xi skejjel sekondarji tal-Knisja se jkollhom l-eżamijiet tal-Form 5s.

Is-Sixth Forms tal-Knisja se jiftħu nhar it-Tnejn, 12 ta’ April, skont l-indikazzjonijiet li se jagħtu l-kapijiet tagħhom. Fl-istess ħin se jkomplu d-diskussjonijiet sabiex ikunu jistgħu jiftħu fiżikament skont il-protokolli tas-saħħa.

Il-ġenituri huma mħeġġa jsegwu l-indikazzjonijiet li se jirċeivu mill-iskejjel rispettivi tagħhom.

Ara wkoll:

L-istudenti fl-aħħar tas-sekondarja se jirċievu ċirkolari meta se jkomplu bl-eżamijiet