ARA kif se jolqtuk il-miżuri mħabbra fil-Baġit

Tnaqqis fl-Income Tax 

Il-Gvern se jnaqqas l-income tax. Bħalma ġara fil-Baġit preċedenti, kull min jaqla’ dħul minn impjieg jew pensjoni li ma taqbiżx il-paga minima se jerġa’ma jħallasx taxxa.
Barra minn hekk, kull min ma gawdiex mit-tnaqqis fl-income tax ta’ sentejn ilu, se jgawdi minn tnaqqis ta’ bejn €90 u €210 f’taxxa fis-sena.

Kumpens Għoli tal-Ħajja
Il-kumpens għall-għoli tal-ħajja s-sena d-dieħla ser ikun ta’ €1.75.

Miżuri tad-Dħul
Id-dazju tas-SISA fuq il-fjuwil se jogħla bi 3ċ fuq il-petrol u 3ċ fuq id-diesel.
Minkejja li se jiżdied id-dazju, il-prezzijiet tal-fjuwil se jonqsu minn Jannar 2016 għaliex l-Enemed, ikkonkludiet ftehim li permezz tiegħu l-prezz tal-petrol se jorħos b’3ċ għal €1.32ċ kull litru u tad-diesel b’4ċ għal €1.22ċ kull litru.
Se jkun hemm ukoll żieda ta’ dazju tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk (sigaretti medja ta’ +30 ċenteżmu), iż-żjut lubrikanti (+0.02ċ) u s-siment (żieda ta’ €5 għal kull tunellata). L-Eko-kontribuzzjoni li kien hemm fuq il-basktijiet tal-plastik, kontenituri tal-birra, l-inbid, fermented beverages, intermediate products, xarbiet non-alkoħoliċi kif ukoll iċ-chewing gum qed titneħħa u għaldaqstant, biex jinżamm il-messaġġ favur l-ambjent filwaqt li s-sistema tkun aktar faċli li tiġi implimentata u tnaqqas l-abbużi, se tiġi sostitwita bid-dazju tas-sisa.

Taxxa tad-Dħul imnaqqsa għal 7.5% għall-atleti u plejers ta’ kull sport
Fil-baġit ta’ sentejn ilu ddaħħel rata ta’ taxxa mnaqqsa ta’ 7.5% għall–plejers tal-futbol. Is-sena l-oħra ġiet estiża għall-plejers tal-waterpolo wkoll. Minn din is-sena dan il-benfiċċju se jinfetaħ għall-plejers u atleti ta’ kull sport, li b’hekk ikunu jistgħu igawdu mir-rata favorevoli ta’ 7.5%. Dan il-benefiċċju qiegħed jiġi estiż ukoll għall-kowċis.

Rata ta’ VAT imnaqqsa (7%) fuq faċilitajiet sportivi
Se titnaqqas ir-rata ta’ VAT minn 18% għal 7% fuq kull faċilità sportiva, inklużi l-gyms, fitness centres, futbol nurseries u faċilitajiet sportivi.

Ħin Żejjed Maħdum mill-Pulizija ntaxxat b’rata ta’ 15%
B’ effett mill-1 ta’ Jannar 2016, il-ħlas li jingħata lill-pulizija għal xogħol extra duty li hu xogħol li jsir minn pulizija għal organizzazzjonijiet, individwi u kumpaniji se jibda jkun intaxxat separatament b’rata ta’ taxxa ta’ 15 fil-mija.

Estensjoni tal-Benefiċċju ‘In Work’
Koppja fejn persuna waħda biss tkun fl-impjieg bi dħul baxx u fejn hemm ulied dipendenti li għandhom inqas minn 23 sena se jingħataw il-benefiċċju ta ‘In-Work’. Dan se jkun qed jiġi estiż għal dawk il-familji b’persuna waħda li taħdem bi qligħ ta’ bejn €6,600 u €12,700. Il-beneficcju massimu se jkun ta’ €150 għal kull wild.
Madwar 3,700 familja u kważi 5,000 tifel u tifla, li ħafna minnhom jinsabu f’riskju ta’ faqar, se jibbenefikaw minn din il-miżura. L-inċentiv li t-tieni ġenitur jidħol jaħdem se jibqa’. Fil-fatt fejn iz-żewġ ġenituri ikunu f’impjieg, il-benefiċċju jogħla għall-massimu ta’ €1000 kull wild.

Żieda ta’ €5 fil-ġimgħa għal 20,000 pensjonant

Mal-20,000 pensjonant se jibdew igawdu sa 5 ewro żieda fil-ġimgħa, sakemm jibdew jitħallsu ż-żidiet dovuti kull sena sakemm kull pensjonant jibda jirċievi pensjoni minima nazzjonali ekwivalenti għal 60 fil-mija tad-dħul medju nazzjonali.

L-Għotja lil anzjani ta’ iktar 75 sena
L-anzjani li jkollhom minn 75 sena ‘l fuq se jibqgħu jirċievu l-ghotja ta’ €300 fis-sena.

Baħħara ex-Seamalta
Il-Gvern jinsab f’negozjati avvanzati mal-ex-baħħara tas-Seamalta sabiex darba ghal dejjem tigi konkluza l-pendenza li huma ghandhom quddiem il-Qrati.

Estiż il-programm ta’ Childcare b’xejn
Din is-sena l-Gvern se jkomplu bil-programm ta’ Childcare b’xejn b’valur ta’€5,000 għal kull wild.

Childcare Centres Ġodda
Hu ppjanat li jinfetħu Child Care Centres ġodda għat-tfal f’Ħaż-Żebbuġ, San Ġiljan, u Wied il-Għajn

Eżenzjoni għall-First Time Buyers
L-eżenzjoni mill-boll għal first time buyers ser tiġi estiża. Il-Gvern se jġedded dan il-programm sa tmiem is-sena d-dieħla sabiex iż-żgħażagħ jiffrankaw sa €5,000 fuq l-ewwel dar tagħhom. Dan se jkun b’seħħ b’lura għal konvenji li sena mill-1 ta’ Lulju li għadda meta għalaq il-programm l-ieħor. Dawk il-first time buyers li laħqu għamlu konvenju u kuntratt wara l-ewwel ta’ Lulju se jingħataw refund tal-boll li ħallsu.

Kumpens għal Esproprjazzjoni
Fil-qasam tal-kumpens ta’ espropriji, il-Gvern qal li wara li tħallsu l-każijiet kollha ta’ esproprjazzjoni sa €15,000‎, is-sena d-dieħla se jitħallsu l-espropriji sa’ €50,000. Dan suġġett għal prova ta’ titlu. Huwa stmat li l-każijiet ta’ madwar 200 plot se jkunu trattati. Barra minn hekk, matul is-sena li ġejja, ix-xogħol mistenni jkompli fuq il-problema tal-Home Ownership Schemes (HOSs), fejn hemm familji li għadhom ma jistgħux iwettqu l-kuntratt finali għax-xiri tal-proprjetà tagħhom minħabba l-fatt li l-esproprjazzjoni attwali għadha qatt ma ġiet ffinalizzata mill-Gvern u ilha pendenti għal bosta deċenni.

Taxxa Mnaqqsa fuq kiri ta’ Proprjeta’ Kummerċjali
Fil-Baġit ta’ sentejn ilu ddaħħlet rata ta’ taxxa finali ta’ 15% fuq dħul minn kera ta’ proprjetà residenzjali. B’hekk dan id-dħul beda jiġi intaxxat b’din ir-rata benefiċjali minflok ir-rati normali tat-taxxa li jitilgħu sa 25%. Din ir-rata finali issa se tiġi estiża wkoll għal kera ta’ proprjetà kummerċjali u għalhekk mis-sena li ġejja d-dħul kollu minn kera jista’ jiġi dikjarat bil-15%.

Penali fuq Proprjeta’ Kummerċjali Abbandunata
Il-Gvern jixtieq jgħolli l-livell tal-ambjent li ngħixu fih u l-proprejatà abbandunata hija fattur li tkerrah il-bliet tagħna. Għal dan il-għan il-Gvern qal li se jikkonsulta l-pubbliku u s-settur tal-proprejeta biex jiġi mfassal pjan biex għall-ewwel darba jiġi stabbilit obbligu fil-liġi li proprjetà tinżamm fi stat tajjeb. L-ewwel fil-mira tal-Gvern se jkun bini kummerċjali bħal showrooms li tħallew mitluqa u miftuħa, u f’ċertu każijiet b’mod perikolużfejn faċilment jista’ jweġġa’ xi ħadd

Rifużjoni ta’ VAT imħallsa fuq it-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-karozzi
Is-sena li jmiss se jitħallsu lura l-ammont kollu ta’ taxxa lil dawk li rreġistraw vettura matul l-2005. Għalhekk matul is-sena d-dieħla se tinħareġ skema oħra għal min irreġistra vettura bejn l-1 ta’ Jannar u l- 31 ta’ Diċembru 2005 u kien eliġibbli fl-iskema li kienet inħarġet matul l-2014. Dan ifisser li sal-aħħar tas-sena d-dieħla se jkunu tħallsu lura b’ kollox madwar €9.7 miljun f’taxxa li kienet inġabret żejda.

Kontribuzzjoni Ambjentali ta’ 50 ċ minn kull turist
Il-Gvern ħa d-deċiżjoni li mill-1 t’April 2016, se tiddaħħal kontribuzzjoni ambjentali li se titħallas mit-turisti kollha, mill-eta’ ta’ 18 il-sena ‘l fuq, li jżuru pajjiżna. Din se titħallas bir-rata ta’ 50 ċentezmu għal kull lejl li t-turist iqatta’ Malta, iżda sa massimu ta’ €5 għal kull żjara. Għal dan il-għan ser isiru d-diskussjonijiet kollha mal-partijiet involuti dwar it-twettiq ta’ din il-miżura.
Id-dħul minn din il-miżura, li mistenni jkun ta’ madwar €5 miljuni, ser jitħaddem mill-Fondazzjoni għall-Iżvilupp Ta’ Żoni Turistiċi bil-għan li jsir upgrading, titjib u manutenzjoni ta’ żoni pubbliċi ewlenin fil-pajjiż.

Skema ta’ Paid Study Leave għall-Għalliema
L-iskema ta’ Paid Study Leave (Sabbatical) għall-Għalliema mħabbra s-sena l-oħra se tiġi estiża u mwessgħa. L-iskema toffri l-opportunità ta’ leave bi ħlas lill-uffiċjali fil-Klassi tal-edukazzjoni sabiex jinvestu fl-iżvilupp professjonali bħal ngħidu aħna biex itejbu l-kisbiet professjonali jew akkademiċi tagħhom.

Immigration Work Office
Qed jiġi studjat ukoll il-kunċett ta’ Immigration Work Office bl-iskop li tiġi mnaqqsa l-possibbiltà tat-tfittxija ta’ xogħol b’mod irregolari mill-immigranti u dan permezz ta’ Job Brokerage Offices fiċ-ċentri miftuħa tal-Marsa u Ħal Far fejn il-ħsieb idur mal-kunċett ta’ PPP li jipprovdu sistema ta’ work vouchers li tinvolvi kemm lill-impjegat u anke lil min iħaddem.

Leave għall-IVF
Wara li ngħata l-leave għal ġenituri li jaddottaw issa se jiġi estiz dan il-benefiċċju għal koppji li jkollhom bżonn li jagħmlu użu mill-faċilità ta’ IVF.

Aġenzija Żgħażagħ
L-Aġenzija Żgħażagħ se tħejji programm ta’ ħidma għall-Youth Village u se tibda t-tieni fażi sabiex ikun hemm post residenzjali fejn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jorganizzaw youth exchanges u mobility projects oħra. Wara l-proġett pilota Youth Help, se jitnieda l-proġett ta’ Outreach u Detached Work maż-żgħażagħ fejn se jsir xogħol maż-żgħażagħ fit-toroq ġewwa l-Belt, Birżebbuġa, Wied il-Għajn, iż-Żurrieq u l-Kottonera. Se jkun żgurat li l-iskejjel ikollhom ambjenti sikuri għall-istudenti żgħażagħ LGBTIQ u jkollhom pjanijiet kontra l-ibbuljar li jseħħ fuq studenti LGBTIQ.

ETC issir Job Centre Plus
Kif ġie mħabbar, ladarba jkun approvat l-Att Legali ġdid, il-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ (l-ETC) se tibda tissejjaħ Job Centre Plus. . Huwa mistenni li fil-ġimgħat li ġejjin jibda jsir it-taħriġ ma’ min iħaddem u min qed ifittex ix-xogħol. Is-sistema se tkun disponibbli għall-użu ta’ kulħadd mill-bidu tas-sena d-dieħla.

Garanzija taż-Żgħażagħ
Fl-ewwel sentejn li ġiet implimentata l-Garanzija taz-Żgħażagħ, il-qgħad fost iż-żgħażagħ niżel minn 14.0% għal 8.7%. Dan huwa fost l-aħjar tnaqqis li ġie reġistrat fost il-pajjiżi Membri tal-Unjoni Ewropea. Is-suċċess miksub jimliena bil-kuraġġ għaż-żmien li ġej u għaldaqstant din il-garanzija se tkompli tiġi offruta fis-snin li ġejjin.

Job Practice Scheme
Permezz tal-miżura tal-Job Practice l-istudenti tal-MCAST se jiġu offruti ċ-ċans li jkabbru l-portfolju tal-ħiliet tagħhom. Dan iwassal biex isibu impjieg li jkun jaqbel mal-linja tal-istudji tagħhom.

Prekarjat

Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern se jkun qed jingaġġa seba’ spetturi tax-xogħol u staff ieħor biex ikunu mħarsa wkoll ir-regolamenti tal-Gvern kontra x-xogħol prekarju.
Id-Dipartiment għall-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali se jkun ukoll qed jippubblika u jqassam Charter bil-kundizzjonijiet bażiċi tax-xogħol f’kull dar f’Malta u Għawdex sabiex il-partijiet kollha involuti, inklużi ħaddiema f’setturi vulnerabbli, ikunu mgħarrfa bil-kundizzjonijiet bażiċi li huma jistennew li jkollhom fil-postijiet tax-xogħol rispettivi tagħhom.

Park Nazzjonali fin-Nofsinhar ta’ Malta
Se jinbdew ukoll xogħlijiet biex ikun żviluppat park ġdid fin-Nofsinhar ta’ Malta. Dan se jsir fuq medda art fin-naħa ta’ l-Għassa tal-Munxar u tul il-kosta bejn il-Ponta taz-Zonqor f’Wied il-Għajn u l-Blata l-Bajda fix-Xgħajra. Għal dan il-għan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru waqqaf kumitat b’sehem mill-Ministeru tal-Ambjent u b’rappreżentanza ta’ esperti oħra sabiex ifassal pjan ta’ implimentazzjoni. Dan il-proġett huwa mistenni li jibda jitwettaq matul is-sena d-dieħla.

Għotja ta’ €7,000 għal karozza elettrika ġdida
Il-Gvern qed jerġa’ jdaħħal l-iskema għall-iskrappjar ta’ vetturi qodma u li jħammġu aktar. Permezz ta’ din l-iskema l-Gvern ser jagħti għotja meta tkun skrappajta karozza li jkollha 10 snin jew aktar meta tinxtara waħda ġdida. Sabiex ninċentivaw l-użu ta’ vetturi li huma żgħar u jniġġżu anqas, se tingħata għotja ta’ €7,000 meta tinxtara vettura elettrika ġdida u tiġi skrappjata vettura antika, €4,000 meta tinxtara vettura elettrika iżda ebda vettura ma tiġi skrappjata, u €2,000 għal electric quadricycle. Fil-każ ta’ vetturi tal-passiġġieri ser tingħata għotja ta’ €2,000 għal vettura ‘hybrid ‘b’emmissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju ta’ bejn 50 – 65g/km, €3,000 għal vettura ‘plug in hybrid electric’ b’emmissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju ta’ bejn 1 – 50g/km, €900 meta tinxtara vettura b’emmissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju li ma jeċċedux il-100 g/km filwaqt li tingħata għotja ta’ €700 meta tinxtara vettura b’emmissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju ta’ bejn 101 g/km u 130 g/km. Għal dan il-għan, il-Gvern qed jalloka s-somma ta’ €600,000 u huwa mistenni li madwar 600 vettura jibbenefikaw minn din l-iskema. Din l-iskema ser tapplika mill- 1 ta’ Jannar 2016.

Miżuri relatati ma vetturi elettriċi għan-negozju
Biex inkomplu ninċentivaw ukoll l-użu ta’ vetturi b’emissjonijiet baxxi ħafna anke fis-settur kummerċjali, il-Gvern se jagħti għotja massima ta’ €7,000 meta tixtara vettura elettrika ġdida u tiġi skrappjata vettura li għandha aktar minn 10 snin, €4,000 meta tinxtara vettura elettrika iżda ebda vettura ma tiġi skrappjata, kif ukoll għotja ta’ €2,000 għal electric quadricycle. Għal dan il-għan il-Gvern qed jalloka somma ta’ €100,000. Din l-iskema ser tapplika mill-1 ta’ Jannar 2016.
Ser ngħinu lil impurtaturi ta’ karozzi ġodda sabiex jinvestu f’ apparat u taħriġ meħtieġ biex issir il-manutenzjoni ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku. Din l-skema se tkun limitata u għaldaqstant tingħata fuq bażi first come first served. Flimkien wkoll ma din l-skema se nkunu qed ngħinu lil kumpaniji biex jiġu installati ‘charging points’ għal vetturi elettriċi. L-allokazzjoni għal dawn l-skemi se tkun ta’ €100,000. Dawn l-iskemi ser japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2016.

Sistema’ ta’ cameras li tagħraf il-pjanċi
Ser jiġu installati wkoll numru ta’ cameras b’postijiet strateġiċi li jaħdmu b’sistema ta ANPR (li hija sistema li tagħraf il-pjanċi tal-vetturi), sabiex nikkontrollaw aħjar vetturi li għandhom iħallsu b’ lura taxxa taċ-ċirkolazzjoni annwali kif ukoll vetturi bi pjanċi barranin. Għal dan il-proġett ser tkun allokata is-somm ta’ 100,000 ewro.

VRT kull sena għal vetturi li jkollhom aktar minn 160,000 kilometru jew aktar
Il-Gvern ħabbar li sabiex inkompli jinċentiva l-użu ta’ karozzi moderni u ġodda, vetturi tat-tip M1 jew N1 li jkollhom 160,000 kilometru u aktar se jiġu sottomessi għal VRT kull sena flok kull sentejn. Din il-miżura tikkorisspondi md-direttiva tal-VRT.

Il-muturi u quadbikes bl-elettriku bla taxxa tar-reġistrazzjoni
Ser titneħħa wkoll it-taxxa tar-reġistrazzjoni minn fuq muturi u ‘quad bikes’ li jaħdmu bl-elettriku. Din il-miżura ser tapplika mill-1 ta’ Jannar 2016.

Miżuri relatati ma’ muturi żgħar
It-taxxa annwali ta’ ċirkolazzjoni għal muturi b’magna inqas minn 125cc ser torħos għal €10 ewro fis-sena, filwaqt li dawk b’magni inqas minn 250cc ser tonqsilhom bin-nofs.
Apparti minn hekk sabiex inħeġġu iżjed nies inaqqsu l-użu tal-karozzi, muturi b’magni inqas minn 125cc jistgħu jiġu misjuqa minn kull min għandu 18-il sena u ‘l fuq u hu fil-pussess ta’ liċenzja ta’ kategorija B. Din il-miżura ser tapplika mill-1 ta’ Jannar 2016.

L-allowance għall-istudenti Għawdxin f’Malta se tiżdied bi €300
L-allowance li jingħataw l-istudenti Għawdxin f’Malta se tiżdied bi €300 għal kull student fis-sena. Din il-miżura tidħol fis-seħħ mis-sena d-dieħla.

Studju ġeoloġiċi dwar il-mina bejn Malta u Għawdex
Matul din is-sena sar pass importanti ’l quddiem rigward l-għażliet li għandna quddiemna dwar il-mod li bih nistgħu ngħaqqdu Malta u Għawdex permezz ta’ permanent link.
Transport Malta u l-Gozo Business Chamber flimkien ikkummisjonaw studju li kien ikkummissjonat lill-Ekonomista Dr Gordon Cordina, fejn ġew analizzati xenarji u metodi differenti. L-istudju jidentifika li fl-eventwalità li jsir proġett, l-aħjar għażla li tagħmel sens ekonomiku u finanzjarju tkun dik ta’ sub-seabed tunnel. Jirriżulta wkoll li dan il-proġett jista’ jsir anke bl-involviment dirett tas-settur privat. Il-pass li jmiss huwa li jsiru l-istudji ġeoloġiċi neċessarji li għandhom jitfgħu aktar dawl fuq il-vijabbilità teknika tal-metodu identifikat. ‎Huwa ppjanat li matul din is-sena nkomplu nżidu fir-rittmu bil-ghan li nkunu f’pożizzjoni li nieħdu d-deċiżjonijiet finali.

Ebda tnaqqis mill-benefiċċju lill-kap tal-familja meta jkollu t-tfal jaħdmu u jgħixu miegħu
Mis-sena d-dieħla, għal fini ta’ għajnuna soċjali, id-dħul tat-tfal ta’ meta jkunu jaħdmu, ma jibqax jiġi kkunsidrat għat-test tal-mezzi tal-kap tal-familja. B’dan il-mod, ma jitnaqqasx €16.30c fil-ġimgħa, għal kull wild li jaħdem u jgħix fid-dar. Pereżempju, familja ta’ 4 persuni, minflok €92.72c fil-ġimgħa, tibda tieħu €125.32c, jekk iż-żewġt itfal ikunu jaħdmu. Din il-miżura se tiswa €1.5 miljuni u tolqot ‘l fuq minn 2,000 familja.

Għajnuna lil dawk qiegħda u li jridu jkomplu jistudjaw
Biex ngħinu lil dawk il-persuni li għandhom ‘il fuq minn 23 sena li jħallu l-impjieg tagħhom biex ifittxu jtejbu l-ħiliet u l-edukazzjoni tagħhom, minbarra l-istipendju, se jingħataw id-dritt wkoll li jieħdu l-benifiċċju tal-qgħad. Din il-miżura se tapplika wkoll għal dawk li għandhom ‘il fuq minn 23 sena li jirċievu l-għajnuna soċjali, li iżda jagħżlu li jibdew korsijiet edukattivi full-time.

Djar tal-Anzjani f’Birkirkara
Il-Gvern se joħroġ Talba Għal Proposti biex tinbena djar tax-xjuħ ġewwa Birkirkara. Dan il-proġett se jkun iffinanzjat fuq bażi ta’ PPP mal-privat. Kif ikun lest dan il-proġett hemm ħsieb li jiċċaqalqu xi uffiċċji tad-Dipartiment tas-Saħħa fih.

Żieda ta’ €15 fl-għajnuna lil-Coeliacs
Il-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa nieda l-Iskema ta’ għoti ta’ Voucher ta’ valur monetarju ta’ €30 lill-pazjenti li jbatu mill-kundizzjoni kronika tas-Coeliac Disease. Filwaqt li pazjenti Coeliac li għandhom ‘l fuq minn 60 sena u dawk li għandhom dħul baxx skont ir-Reġistru tas-Servizzi Soċjali jieħdu valur ta’ €50.
Il-Ministru ħabbar li ġie deċiż li l-Voucher tat-€30 jiżdied għal wieħed ta’ €45.

€50 miljun għall-bini ta’ Housing Estates Ġodda
L-Awtorità tad-Djar qed taħdem fuq pjan kif tista’ tilqa’ għad-domanda kontinwa għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Fil-preżent l-Awtorità għandha mal-2,900 applikazzjoni pendenti. Għal dan il-għan, l-Awtorità tad-Djar se tidħol għal proġett ta’ €50 miljun biex b’hekk tkun f’pożizzjoni li żżid l-istokk tagħha għal skopijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali. Dan il-proġett jinkludi bini fuq art li huwa kopert bil-permessi maħruġa mill-MEPA, kif ukoll ix-xiri mill-privat ta’ proprjetà li tinsab dilapitata.

Xogħlijiet ta’ Tisbiħ u Manutenzjoni fil-Housing Estates
L-Awtorità tad-Djar bi ħsiebha tkompli bil-programm ta’ proġetti ikbar li jkopru kemm tiswija kif ukoll manutenzjoni u tisbiħ fi blokki residenzjali f’diversi Housing Estates.
Il-programm tas-sena d-dieħla jinkludi proġetti fi tliet lokalitajiet fosthom blokk ta’ 48 unit fil-Ħamrun fejn hu ppjanat li jsiru xogħlijiet ta’ tiswija u tibdil ta’ soqfa u kontrabjut waqt li se jsir ukoll upgrading sħiħ tal-partijiet komuni estensivi tal-blokka. Dan jinkludi tibdil ta’ servizzi ta’ dawl, ilma u drenaġġ, tibdil ta’ madum u aperturi kif ukoll tindif u tibjid fil-partijiet komuni.
It-tieni proġett se jkopri xogħlijiet ta’ manutenzjoni fuq faċċati u bjut f’diversi blokki fil-Housing Estate Ta’ Ġiorni.
F’Pembroke wkoll, wara li din is-sena ttranġat is-sistema ta’ dawl fil-landscaping madwar 7 blokki fi Triq Pietro Darmenia bi spiża ta’ €40,000, huwa ppjanat li s-sena d-dieħla jsiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni tal-faċċati kif ukoll tiswijiet u manutenzjoni fil-pavimentar u s-sistema ta’ rain water culverts sabiex tissolva l-problema ta’ dħul ta’ ilma li iggravat matul is-snin.
Dawn il-proġetti ta’ tisbiħ u manutenzjoni mistennija jlaħħqu spiża ta’ €800,000.

Aħbarijiet Oħra
Kisbiet

Riċerkaturi Maltin jistgħu jibbenefikaw minn boroż ta’ studju offruti mill-gvern biex iwettqu r-riċerka ta’ dottorat u post-dottorat fil-European University Institute f’Firenze. Ftit tal-jiem ilu, Matthias Ebejer beda l-istudji tiegħu għad-dottorat….

Festi

Hija t-tradizzjoni li għandha l-għeruq tagħha fil-bidu tal-ħamsinijiet u li tiċċelebra d-devozzjoni lill-Madonna tal-Grazzja permezz ta’ pellegrinaġġ bil-muturi u r-roti. Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż Żabbar jikkonkludu l-istaġun tal-festi tas-Sajf….

Kronaka

Kenneth Cassar ta’ 38 sena mill-Isla ġie akkużat li fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd li għadda fl-Isla saq vettura b’manjiera perikoluża, laqat tliet karozzi u baqa’ sejjer. Cassar ġie…

Ambjent

Fl-għeluq tal-ħames konferenza annwali mis-Soċjetà MALTNUM, Malta Model United Nations Society, l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia qal li l-akbar sfida li qed taffaċċja d-dinja bħalissa hija t-tibdil fil-klima. Qal li d-dinja…

Aktar