Festi
ARA: Kif se ssir il-festa fil-lokalità tiegħek din is-sena?

Il-Knisja ċċarat aktar id-destin tal-festi din is-sena, b’nota mill-Isqof Awżiljarju tgħid li dawn jiġu ċċelebrati b’quddiesa fil-jum liturġiku tagħhom biss. Mad-direttivi tal-Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex li nħarġu malli faqqgħet il-pandemija, fejn kien ġie spjegat li din is-sena ma jkunx hemm ċelebrazzjonijiet oħra interni jew esterni; il-Kurja qalet li mhux permess li jsir quddies tal-festa jew ċelebrazzjonijiet oħra fi ġranet li mhumiex il-jum liturġiku tal-qaddis jew qaddisa.

Iċċelebrata quddiesa fil-jum liturġiku biss – xejn aktar fi ġranet oħra

Waqt li f’Għawdex il-festi b’format ridott se jibqgħu marbuta mal-ġurnata skedata fil-kalendarju tal-istaġun tal-festi tal-patruni tal-parroċċi, f’Malta fiċ-ċirkustanzi ta’ din is-sena l-Kurja rabtet il-festi titulari u sekondarji mal-jum liturġiku tagħhom biss. Għalhekk, l-aktar xenarju sempliċi hu ta’ festi li jsiru dejjem f’jum il-festa liturġika. Hekk per eżempju nsibu l-lokalitajiet li fil-15 t’ Awwissu jiċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija; dawk li fit-8 ta’ Settembru jiċċelebraw it-twelid tal-Madonna; il-Madonna tal-Karmnu l-Belt fis-16 ta’ Lulju; is-Salvatur f’Ħal Lija fis-6 ta’ Awwissu; u San Lawrenz il-Birgu fl-10 t’ Awwissu. Dawn se jiċċelebraw il-festa bil-quddiesa f’dik il-ġurnata u l-istatwa se tkun tista’ tinħareġ min-niċċa u titpoġġa fuq il-bankun fil-Knisja.

Kelliem għall-Kurja qal li sakemm is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi bħalissa, il-quddiesa tal-festa tkun fil-magħluq u possibilment tixxandar fuq il-midja soċjali. Intqal li din is-sena mhux se jsir xejn aktar, la fil-knisja bħat-tridu jew novena, u lanqas ċelebrazzjonijiet esterni.

X’se jsir fejn il-festa liturġika għaddiet?

B’din id-direttiva tal-Kurja se jintlaqtu għadd ta’ lokalitajiet li kienu jiċċelebraw il-festa f’jum differenti mill-festa liturġika tal-putruni tagħhom. Fil-parroċċi fejn il-jum liturġiku tal-festa titulari jew sekondarja kien aktar kmieni din is-sena, mhu ser isir xejn. Dakinhar li suppost hu l-jum tal-festa tal-post, kollox se jkun normali daqslikieku hu Ħadd ieħor matul is-sena: inkluż il-liturġija fil-knisja u l-vara tibqa’ fin-niċċa.

Hekk per eżempju ġara llum f’Ħal Tarxien, li kellu jkun jum il-festa imma fil-kalendarju liturġiku l-Lunzjata hi fil-25 ta’ Marzu; l-istess se jiġri f’Ħal Balzan. Bl-istess mod, ma tista’ tiġi organizzata ebda ċelebrazzjoni f’parroċċi bħal Ħal Qormi San Ġorg li l-festa liturġika tiegħu kienet fit-23 ta’ April; Ħal Qormi San Bastjan li l-knisja tiċċelebrah fl-20 ta’ Jannar, u d-diversi parroċċi li jagħmlu festa lil San Ġużepp.

Xi festi liturġiċi fil-ħarifa

Jibqa’ lokalitajiet fejn għadhom fiċ-ċans jagħmlu quddiesa u joħorġu l-vara fil-Knisja fil-festa liturġika billi din għad trid tiġi; bħal San Pawl ir-Rabat li jiċċelebraw il-martirju tal-qaddis li l-knisja tfakkru fit-30 ta’ Ġunju, Kristu’ Re f’Raħal Ġdid lejn tmiem Novembru, Santa Katerina ż-Żejtun u ż-Żurrieq fil-25 ta’ Novembru, u San Nikola s-Siġġiewi fis-6 ta’ Diċembru.

Pellegrinaġġ kullimkien meta permessi attivitajiet tal-massa

Fil-ħsieb tal-awtoritajiet tal-Knisja f’Malta għad hemm li meta l-awtoritajiet tas-saħħa jippermettu attivitajiet tal-massa, ikun jista’ jsir pellegrinaġġ ta’ talb u ringrazzjament bil-vari titulari u sekondarji. Dan il-pellegrinaġġ jkun jista’ jsir mill-parroċċi kollha, anke fejn il-festa liturġika tkun ġiet iċċelebrata.

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Maħżen tal-festa nbidel fi klassi fi proġett biex il-prattika ta’ snajja tradizzjonali li jispikkaw fil-festi Maltin tintiret u ma tmutx. Il-proġett tmexxa mill-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ta’ Ħal Luqa, li…

Infrastruttura

Inkonvenjent li ilu snin jurta lill-Birżebbuġin se jiġi indirizzat bi proġett li Infrastructure Malta qalet se tibda fi tmiem dan is-sajf. Il-proġett hu maħsub li jtaffi l-problema tal-għargħar, ikkawżata mill-baħar…

Lokali

Mil-lejla bdew jiġu organizzati l-pellegrinaġġi fl-okkażjoni tal-festi tal-ibliet u l-irħula li se jibqgħu għaddejjin sat-8 ta’ Diċembru meta tiġi ċċelebrata l-Kunċizzjoni f’Bormla. Illejla, tliet lokalitajiet qed jorganizzaw dawn il-pellegrinaġġi: Ħal…

Tradizzjonijiet

Jumejn ‘il bogħod mill-Jum Internazzjonali tal-Bizzilla, grupp ta’ persuni nġabru fil-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija, fil-Palazz tal-Inkwizitur il-Birgu, biex jaħdmu bizzilla tradizzjonali Maltija. Jekk hemm xi impressjoni li l-arti tradizzjonali tal-bizzilla qed…

Aktar