Kronaka
ARA: Kif tiġi analizzata d-droga li tinqabad mill-Pulizija jew mid-Dwana?

Id-droga li nqabdet ilbieraħ u sustanzi illegali oħra li jinqabdu mill-Pulizija jew id-Dwana jiġu analizzati f’laboratorju fl-Università ta’ Malta, li hu mgħammar b’teknoloġija li, fost l-oħrajn, tistabilixxi l-purità tad-droga. Fi kliem il-Professur Emmanuel Sinagra, il-purità mhix l-uniku ħaġa li tiddetermina l-prezz fis-suq, li jiddependi wkoll mid-domanda u l-provvista.

Fil-laboratorju tal-kromatografija fl-Universitá ta’ Malta tiġi analizzata ħafna mid-droga li tinqabad fil-gżejjer Maltin.

“Biex nispjega x’inhija kromatografija, naħseb li kulħadd poġġa xi naqra ‘food colouring’ jew linka fuq karta u l-kuluri jinfirxu b’mod differenti, minn hemm beda l-proċess,” fisser Prof. Emmanuel Sinagra, Kap tad-Dipartiment tal-Kimika tal-Università ta’ Malta.

Il-Professur Emmanuel Sinagra qalilna li l-proċess isir bl-użu ta’ tliet magni b’teknoloġija avvanzata. Spjega li l-kampjun tas-sustanza suspettuża jiġi injettat fl-ewwel magna li taħdem bl-użu ta’ coil jew kif magħrufa ‘kolonna’ li tissaħħan għal kważi tliet mitt grad celcius filwaqt li jiġi ppumpjat gass li jwassal biex joħorġu s-sustanzi.

“Pero dak mhux il-proċess kollu għax imbagħad trid tara l-finger prints tiegħu hawnhekk, qisek inti qed titfa’ salt nies itellqu madwar ċirkwit, u tgħid, naħseb rebaħ Hamilton, per eżempju, imma inti imbagħad trid tara l-ID card jew in-numru tiegħu li huwa Hamilton li rebaħ u dan jagħtina dik,” spjega Prof Sinagra.

Bil-ħsieb li jkun aċċertat li r-riżultati li jinħarġu fl-ewwel parti tal-proċess huma korretti, isir test ieħor f’magna oħra. Il-Professur Sinagra qal li wara dan il-proċess kollu, ir-riżultati jiġu analizzati biex tiġi stabbilità l-purità.

Skont rapport Ewropew dwar id-droga, il-purità tar-reżina tal-kannabis li tinqabad f’Malta tvarja bejn 4 u 11 fil-mija, tal-kokaina bejn 10 u 22 fil-mija waqt li l-purità tal-eroina tvarja bejn 15 u 30%.

“Il-prezzijiet tad-drogi jvarjaw u ma jvarjawx skont il-purità, l-aħħar drug report li nużaw aħna fuq il-prezz fis-suq f’Malta tad-drogi, cannabis resin jaf ileħħaq €30 kull gramma,” qal Prof Sinagra.

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Kimika qal li l-blokka, jew is-sapuna, kif ġieli jirreferu għar-reżina tal-kannabis, ma jkollhiex wisq affarijiet miżjuda magħha, bħal fil-każ tal-kafà, paracetamol, zokkor jew sustanzi oħrajn li jitħalltu mal-kokaina jew l-eroina.

Aħbarijiet Oħra

L-iskema ta’ xogħol fil-komunità li bdiet fl-2016 kienet taħt il-lenti tal-Awditur Ġenerali li f’rapport li ippreżenta lill-Ispeaker ta ċertifikat pjuttost tajjeb lill-iskema għalkemm iħeġġeġ lill-entitajiet governattivi involuti biex itejjbu l-moniteraġġ…

Ambjent

Malta, flimkien ma’ 8 pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea u żewġ stati assoċjati, se tkun qed tnaddaf il-bajjiet tagħha f’dak li dak jissejjaħ bħala l-Blue Mediterranean Clean-Up Week. Fl-ewwel ġimgħa ta’…

Blockchain

Erba’ xhur wara li Malta saret l-ewwel pajjiż fid-dinja li użat is-sistema tal-blockchain fil-ħruġ taċ-ċertifikati għall-istudenti, it-teknoloġija tal-blockchain se tibda tintuża għal kuntratti tal-kirjiet, meta fil-jiem li ġejjin se tkun…

Qorti

Il-Pulizija ressqet il-Qorti żagħżugħ u xlietu li bejn Frar u Mejju wettaq ħames serqiet ta’ flus u ġojjelli minn residenzi fl-Imsida u San Pawl il-Baħar. Aliosha Emnadze, Ġorġjan ta’ 24…

Aktar