COVID-19
ARA: Anzjani emozzjonati li se jibdew jaraw lill-qraba wara xahrejn

Mit-Tnejn li ġej se jerġgħu jkunu jistgħu jsiru żjarat lill-qraba fid-djar tal-anzjani tal-Gvern u dawk privati. Iż-żjarat iridu jiġu bbukkjati, u l-qraba jistgħu jaraw lill-għeżież tagħhom minn wara ħġieġa.

Fi kliem, il-Ministru Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis, din se tkun in-normalità l-ġdida fiż-żjarat fid-djar tal-anzjani.

Għall-ewwel darba f’iktar minn 9 ġimgħat, mit-Tnejn li ġej, il-qraba tal-anzjani fid-djar residenzjali tal-Gvern u tal-privat se jerġgħu jaraw l-għeżież tagħhom. Dan se jkun possibbli b’għadd ta’ miżuri ta mitigazzjoni biex jonqos il-periklu ta’ infezzjoni ħalli titħares is-saħħa tal-anzjani fid-djar.

Iż-żjarat fid-djar iridu jsiru b’appuntament minn jumejn qabel, u l-qraba jistgħu jaraw lill-anzjani minn wara perspex jew ħġieġ biex ikun evitat kull kuntatt fiżiku. Kull resident jistgħu jżuruh sa erba’ persuni u kull żjara ma tistax iddum iktar minn kwarta. Qabel jidħlu fid-djar tal-anzjani, il-qraba se tittiħdilhom it-temperatura u jridu bilfors jilbsu maskra jew visor biex jidħlu.

Fir-residenzi kollha qed isiru arranġamenti biex ikunu jistgħu jsiru lill-anzjani li ma jistgħux joħorġu mis-sodda.

F’San Vinċenz de Paul biss – li hi l-ikbar residenza tal-anzjani fil-pajjiż b’madwar 1,100 persuna – se jkun hawn parkeġġ allokat qrib id-daħla prinċipali għal kull viżitatur, li mbagħad jitwassal b’servizz ta’ trasport organizzat lejn iż-żona apposta fejn ikun hemm l-anzjani jistennewhom biex jarawhom.

Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, spjega li dawn il-miżuri se jidħlu fis-seħħ b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa biex il-virus ma jinxteridx fost l-anzjani. Fi kliem il-Ministru Falzon, f’San Vinċenz de Paul sar miraklu.

“Sal-lum, ma kellniex mewt waħda fid-djar tal-anzjani. Infakkar f’xeni li rajna f’pajjiżi Ewropej. F’pajjiżi meqjusa iktar avvanzati minna u f’dan il-qasam kellhom ċerti fallimenti. F’pajjiżna ma kienx il-każ,” qal il-Ministru Falzon.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Silvio Parnis, qal li n-normalità l-ġdida mhux se tippermetti iżjed li l-qraba jżuru lill-anzjani kif ġieb u laħaq.

“Ma nistgħux nibqgħu naċċettaw li jekk inti marid u għandek l-influwenza jew id-deni, tista’ tiġi tara lill-anzjani,” qal is-Sur Parnis..

Il-kelliema qalu li dawn il-miżuri jistgħu jiġu riveduti skont il-ħtieġa.

Aħbarijiet Oħra
Solidarjetà

Il-Prim Ministru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kif ukoll is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci ma kellhomx biżżejjed kliem ta’ tifħir għall-voluntiera li offrew 10,000 siegħa…

Kronaka

Raġel ta’ 33 sena minn Ta’ Xbiex weġġa’ gravi f’inċident bil-mutur. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7am fi Triq Tul il-Kosta, Baħar iċ-Ċagħaq. Jidher li għal xi raġuni r-raġel tilef il-kontroll tal-mutur…

COVID-19

Raġel ta’ 56 sena huwa t-tmien vittma tal-Covid-19 f’Malta. Huwa miet il-lejl li għadda fl-Isptar Mater Dei. Waqt li tat rendikont tas-sitwazzjoni, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci tat il-kondoljanzi…

Saħħa

Wara li saru konsultazzjonijiet mal-Awtorità tas-Saħħa Pubblika, minn nhar it-Tnejn l-1 ta’ Ġunju se jerġgħu jibdew jiġu offruti numru ta’ servizzi fil-komunità mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Madanakollu diversi istruzzjonijiet…

Aktar