Ambjent
ARA: Kif tista’ tuża’ aħjar ir-riżorsa tal-ilma fid-dar tiegħek

Kruċjali għall-ħajja ta’ kulħadd…u għal Malta hu riżorsa prezzjuż daqs id-deheb! Hawnhekk qed nirreferu għall-ilma.

Hu stmat li kull persuna f’Malta tuża mal-110 litri ta’ ilma kuljum. Il-pubbliku jista’ jitgħallem kif juża l-ilma b’mod aktar għaqli fiċ-Ċentru ta’ Informazzjoni għall-Konservazzjoni tal-Ilma fir-Rabat li għadu kemm ġie ppremjat mill-Kummissjoni Ewropea.

F’dawn il-ġranet, fiċ-ċentru qed jiġu organizzati bosta attivitajiet għall-familja.

Għajn jista’ jkollha aktar minn tifsira waħda – tista’ tkun l-għajn tal-ilma kif ukoll sors ta’ informazzjoni. Hekk hu Għajn – iċ-Ċentru ta’ Informazzjoni għall-Konservazzjoni tal-Ilma fl-inħawi tan-Nigret, fir-Rabat. L-għan taċ-ċentru hu li jżid l-interess u l-għarfien dwar l-importanza tar-riżorsa tal-ilma fil-gżejjer Maltin u l-ħtieġa li din tiġi mħarsa u użata tajjeb.

L-Inġinier Paul Micallef, mill-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma qal li f’sentejn mill-inawgurazzjoni żaru ċ-ċentru ‘l fuq minn 5,800 persuna, l-aktar studenti. Iċ-ċentru Għajn jinkludi numru ta’ installazzjonijiet edukattivi u interattivi li jikkumplimentaw inizjattivi oħra dwar il-konservazzjoni tal-ilma.

“Hawnhekk nagħtu informazzjoni fuq l-ilma in ġenerali mhux konservazzjoni biss imma anke fuq l-ilma li qed jiġi mmaniġġjat hawn Malta.”

Iċ-ċentru jinkludi wkoll logħob edukattiv għat-tfal, fosthom bi spjega kif tagħmel ix-xita.

Hu stmat li kull persuna f’Malta tuża mal-110 litru ta’ ilma kuljum, li seba’ litri biss minhom huma użati għat-tisjir. Il-bqija jintuża għall-ħasil.

“Pereżempju dishwasher juża bejn 35 u 45 litru kull load.”

Il-viżitaturi jingħataw informazzjoni dwar dak l-ilma virtwali, li hu l-ilma li jintuża għal prodotti li nikkunsmaw u li ma narawx.

“Slice ċanga, 300grms, għandek 4,650 litru biex din ġiet fuq il-platt tiegħek. Dan it-tip ta’ affarijiet, espresso kafè għandek 140 litru. Dan hu biex iġib lil dak li jkun konxju. Mhux qed ngħidu ma jiħdux kafè, biex ma jiħdux tuffieħa, anzi imma biex wieħed ikun konxju li l-affarijiet jistgħu jintużaw b’mod iktar sostenibbli.”

Ftit tal-jiem ilu, dan iċ-ċentru ġie ppremjat għas-sostenibilità mill-Kummissjoni Ewropea.

Sal-Ħadd li ġej, fiċ-ċentru Għajn se jsiru diversi attivitajiet speċjali dwar l-ilma għall-familja kollha.

Aħbarijiet Oħra
Politika

F’kollegament dirett ma’ TVM, fuq il-programm Insights immexxi mill-ġurnalista Norma Saliba, l-uffiċjal tal-Partit Laburista Louis Gatt, qal li ħarġu xi riżultati proviżorji mill-ewwel għadd tal-voti. Dr Miriam Dalli għall-Partit Laburista…

Elezzjoni

Mis-sala tal-għadd tal-voti, dawk preżenti jinsabu fil-fażi tal-aġġudikazzjoni tal-vot – fejn il-voti li warrbu l-iscanners iridu jiġu aġġudikati mir-rappreżentanti tal-partiti fejn jieħdu deċiżjoni finali fuqhom. Il-proċess tat-35,00o vot aġġudikati jitlob…

Pulizija

Il-Korp tal-Pulizija qasam xi ritratti fuq il-midja soċjali biex jirringrazzjja lil dawk kollha li ħadmu qatigħ f’dawn l-aħħar tliet ijiem, hekk kif saret l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali 2019….

Aktar