Ara kif uliedek jistgħu jgħinu sabiex itaffu mis-solitudni ta’ anzjani fil-komunità’

F’Dawn iż-żminijiet tal-festi tal-Milied qed issir inizjattiva ħelwa biex tiġi indirizzata s-solitudni fost numru ta’ anzjani li jinsabu waħedhom. Tfal ta’ età żgħira qed jiġu mħeġġa jiktbu ittri biex jintbagħatu lil numru ta’ anzjani. Din l-inizjattiva ġġib l-isem ta’ nannietpostoffice.com li qed issir bil-għan li dawn ix-xjuħ li jħossu l-weġa’ tas-solitudni, jħossuhom maħbuba u li mhux qegħdin waħedhom.

Is-Sur Anthony Gatt, Direttur tal-Caritas tenna li inizjattivi bħal dawn huma ġesti sbieħ u altruwisti ta’ solidarjetà. Minn naħa l-oħra Dr Andrea Dibben, lettur fid-Dipartiment tal-Politika Soċjali u l-Ħidma Soċjali spjegat li fejn qabel konna naraw it-teknoloġiji bħala xi ħaġa li tieħu ħafna mill-ħin tal-familji, f’dawn iż-żminijiet nistgħu nagħmlu użu mill-istess teknoloġija biex nikkomunikaw bejnietna u nżommu kumpanija lil min jinsab waħdu.

Gatt spjega li s-sitwazzjoni tal-Covid19 amplifikat il-problema tas-solitudni f’pajjiżna. Dibben minn naħa l-oħra tkellmet fuq id-differenza bejn li tkun waħdek u li tħossok waħdek. Tenniet li min ikun waħdu mhux neċessarjament iħossu waħdu għaliex jista’ jkun tip ta’ persuna li japprezza l-kumpanija tiegħu nnifsu. Bl-istess mod min iħossu waħdu mhux neċessarjament ikun waħdu. Persuna tista’ tkun fost ħafna nies, biss xorta tħossha waħidha. Dawn iż-żmien ta’ festi huma assoċjati ma’ żmien ta’ ferħ u għaqda li ħafna minna għandhom ix-xorti jaqsmu mal-familjari tagħhom. Għalkemm din is-sena se jkun Milied b’differenza, nafu li fi snin li ġejjien se nkunu nistgħu nerġgħu ngawdu dan iż-żmien bħal ma konna nagħmlu qabel ħakmitna l-pandemija Covid19. Għalhekk għandna nippromowvu inizjattivi bħal dik ta’ nannietpostoffice.com biex innaqqsu l-impatt tas-solitudni fost dawk li jħossuhom waħidhom tul is-sena kollha.