Ambjent
Ara kif Wied Fulija qed jinbidel minn miżbla għal post naturali b’veduta

Żona li fiha daqs seba’ grawnds tal-futbol, li minn wied naturali nbidlet f’miżbla, qed tingħata wiċċ ġdid biex minflok tibqa’ ġerħa fin-naħa t’isfel ta’ Malta, issir attrazzjoni.

Sa wieħed u erbgħin sena ilu, Wied Fulija kien wied naturali intatt li jagħti għal fuq l-irdumijiet fil-kosta taż-Żurrieq, sakemm fl-1979 beda jintuża bħala miżbla li waqfet tilqa’ skart fl-1996.

Din iż-żona li tinsab fuq irdum, kienet post fejn jintefa’ skart ta’ kull tip, tal-kostruzzjoni organiku, u skart ieħor. Fil-fatt meta timxi għadek issib elementi ta’ dan l-iskart imferrxin sat-tarf tal-irdum. Matul iż-żmien ittellgħu dawn iż-żewġ muntanji li fix-xhur li ġejjin se jkunu rijabilitati.

Il-perit tal-kumpanija Wasteserv, Jean Luke Zarb, li hu responsabbli mill-proġett, qal li diversi trakkijiet qed jitfgħu skart tal-kostruzzjoni pproċessat u wara se titpoġġa gverta ta’ ħamrija biex tgħatti l-għoljiet magħmula minn żewġ miljun tunellata ta’ skart li intrema maż-żmien.

“Il-capping hu sistema ta’ saffi li jsir fuq il-miżbla. Fil-fatt għadna kif għamilna reprofiling fejn ħloqna l-forma li hi stabbli, li ttina ż-żmien biex naċċertaw ruħna li hi safe. Awtomatikament din tevita li l-ilma jidħol fil-landfill, jiġbor il-kontaminanti u jikkontamina l-ilma tal-baħar u tal-pjan f’dal-każ.”

Żied li b’din il-qoxra, ikun evitat li l-arja toħroġ minn ġol-miżbla, li qal hija ħażina għax tinkludi gassijiet li jkunu ħarġu mill-materjali. Kompla li dan iwaqqaf il-materjal fil-miżbla milli jibqa’ jtir bir-riħ u jniġġeż il-baħar. Il-perit qal li l-ġerħa se titgħatta b’elementi naturali li mhux se jkunu aċċessibbli għan-nies.

Fuq il-plateaus u l-irdumijiet, se nagħmlu arbuxelli fejn jinqabad ir-riħ, u fin-nofs nagħmlu siġar għax għandhom il-kenn.

Il-Perit Zarb qal li ma kienx sostenibbli li jneħħu ħġieġ li ntrema fiż-żona billi kienu jwettqu aktar ħsara milli ġid. Minflok għarfu jagħmlu użu tajjeb minnu. “Ma joħrogx kontaminanti minn ġo fih u għalhekk użajnieh parti mir-rijabilitazzjoni tal-landfill, l-iktar mod sostenibbli u għaqli.”

Sal-aħħar tas-sena l-oħra, f’din iż-żona kien hawn 6,000 tunnellata ta’ skart tal-ħġieġ mormi hawnhekk. Fi ftit ġimgħat, hawn inbidel fi trejqa u b’hekk issa se jiġi aċċessibli għall-pubbliku biex ikun jista’ jgawdi l-veduta tal-irdum.

“Ħloqna passaġġ li ġie ffurmat mill-miżbla ta’ qabel, li qed iħallina noħoloqu din il-pjattaforma u passaġġ li twassalna għall-irdum. Imbagħad persuna tista’ tasal minn din il-faxxa naturali, waħda mill-isbaħ postijiet ta’ Malta.”

Il-proġett li mistenni jiswa mal-4 miljun ewro, parti minnhom fondi tal-Unjoni Ewropea, mistenni jkun jista’ jitgawda mill-pubbliku sal-aħħar ta’ dis-sena.

Aħbarijiet Oħra
Turiżmu

Malta ġiet ippremjata b’ Connoisseur Circle Hospitality Award bħala l-aqwa destinazzjoni kulturali din is-sena. It-tim tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu fil-Ġermanja rċieva l-unur tal-Cultural Getaway of the Year 2020, bħala l-aħjar destinazzjoni…

Knisja Maltija

Id-Djoċesi ta’ Għawdex ħabbret li l-konsagrazzjoni ta’ Monsinjur Anton Teuma bħala d-disa’ isqof tad-djoċesi u l-ingress solenni tiegħu fil-Katidral fil-Belt Victoria ser isir fit-13 ta’ Settembru filgħaxija. Bħala motto għall-episkopat…

Qorti

Charlene Gatt ta’ 35 sena ġiet ikkundannata għal seba’ xhur ħabs wara li nstabet ħatja li fil-Gżira u fil-Marsa fid-9 u fis-16 ta’ April li għadda wara d-9 p.m., tat isem…

Politika

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) qalet li l-pajjiż qed jiffaċċja kollass politiku u istituzzjonali jekk iż-żewġ partiti l-kbar ma jsolvux il-kwistjonijiet tagħhom. L-MEA qalet li fuq naħa l-partit fil-gvern qed…

Aktar