Stejjer Umani
ARA: Koppja Maltija b’tewmin frott id-donazzjoni tal-isperma

Għall-koppja Frendo Magro, ix-xahar ta’ Ġunju se jibqa’ ttimbrat f’moħħhom għal għomorhom għal żewġ raġunijiet . . . wiegħdu mħabbtihom għal għomorhom u sitt ijiem wara saru ġenituri ta’ tewmin. Dan seħħ wara donazzjoni ta’ sperma lil Lara fi proċedura li kellha ssir barra minn Malta.

”Ix-xahar ta’ Ġunju kien xahar partikolari għax jien u Lara żżewiġna. Kienet ħolma għalija li xi darba niżżewweġ. Ftit jiem wara twieldu Mikhail u Ella” qalet Dona Frendo Magro.

Din hi l-esperjenza tal-koppja gay Frendo Magro . . . li saru ġenituri għall-ewwel darba permezz tad-donazzjoni tal-isperma . . . proċedura li saret barra minn Malta.

”Inħossni fortunata. Premju. Minn wieħed tana tnejn. Tifel u tifla jiġifieri ma tantx tiġri li jkollok tewmin tifel u tifla” qalet Dona Frendo Magro.

Ferħanin se jtiru bit-tewmin Mikhail u Ella ta’ 3 xhur, il-koppja Frendo Magro kienet ippreparata għal kollox.

”Għamilna kollox flimkien jien u Dona fis-sens biex ma jkunx hemm diżappunt jekk ma kinitx se tiġri l-ħaġa. llum il-ġurnata nirringrazzjaw lil Alla għax mill-esperjenza li għaddejna mar kollox ward u żahar” stqarret Lara Frendo Magro.

It-tewmin twieldu qabel iż-żmien.

”Kienet ġiet il-midwife. Qaltli trid tmissha? Kienet qaltli għal Ella u kienu żgħar vera żgħar. Għedtilha le mhux se mmissha. Kont immur nibki u nkantalhom. Għamlu 40 jum l-isptar u issa ilhom xahar li qegħdin magħna” qalet emozzjonata Dona.

Dona u Lara jibżgħu li għada pitgħada wliedhom jiġu bullied.

”Il-biża’ tagħna hi bħal kull persuna oħra li jkollu tfal. Being gay, bi, straight. Meta tasal għaliha naraw” kompliet tgħid Dona.

Il-koppja Frendo Magro determinata li trabbi lil uliedhom bl-aqwa mod possibbli.