Mużika
ARA: Kunċerti minn fuq xarabank double decker f’diversi lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex

Il-prekawzjonijiet minħabba l-Covid qanqlu l-ħtieġa għal aġġustamenti fil-mod kif jiġu organizzati l-festivals u l-avvenimenti. Għal dan il-għan, Festivals Malta fasslet Festival li qed issir abbord double decker li qed iddur diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.

Festival tal-mużika uniku għal dan is-sajf li se jipprovdi divertiment lil residenti f’aktar minn 50 lokalità permezz ta’ kunċerti minn fuq xarabank double decker li ġiet attrezzata għal dan il-għan.

Il-kunċerti jammontaw għal iżjed minn 80 siegħa ta’ mużika li jinkludu s-sehem ta’ Sterjotipi, Corazon, Skald, Paul Giordimaina, Ivan Grech, Dorothy Bezzina, għannejja u ħafna aktar artisti.

Il-Hybrid festival li huwa organizzat minn Festivals Malta kien ispirat mill-pandemija tal-COVID-19 li nisslet il-ħtieġa għad-distanza soċjali.

Għal dan il-għan, Festivals Malta qed tistieden in-nies jibqgħu fi djarhom u jsegwu minn fuq il-bjut, il-gallariji jew minn wara t-twieqi. L-organizzaturi qalu li b’hekk, permezz tal-mużika u l-kultura tikber l-għaqda.

ll-kunċerti ta’ tmiem din il-ġimgħa se jsiru fil-pjazez ewlenin ta’ Ħ’Attard u l-Mosta, il-Fgura, Wied il-Għajn u x-xatt tal-Kalkara u tall-Isla.