Knisja Maltija
ARA: L-abbatini b’sorpriża lid-Dinglin għall-festa

Sorpriża għad-Dinglin mal-ħruġ tal-istatwa titulari ta’ Santa Marija. L-abbatini qattgħu l-btajjel tas-sajf jaħdmu fuq l-ewwel infjorata fuq iż-żuntier tal-Knisja Arċipritali, li minn fuqu għaddew ir-reffiegħa.

Il-grupp tal-abbatini ta’ Ħad-Dingli sellem lil Santa Marija b’tapit ta’ fjuri maħdumin bl-idejn.

Fl-aħħar ġimgħat – waqt il-btajjel tas-sajf – ftit aktar minn 30 abbati bl-għajnuna tal-ġenituri tagħhom ħadmu fuq ‘il fuq minn elf u ħames mitt fjura magħmula mill-karti tat-tajr.

Il-Prefett tal-abbatini, Matthias Attard qal li “kien hemm ħafna mill-abbatini l-kbar involuti fiha anke meta tlajna l-live in Għawdex ħadna xi fjuri biex naħdmuhom hemmhekk ukoll.”

L-idea tal-infjorata kienet ta’ wieħed mill-ġenituri, Paul Azzopardi. Huwa ħa ħsieb ukoll id-disinn tal-infjorata b’tul ta’ aktar minn tliet metri u tletin ċentimetru u wisgħa metru u nofs.

Paul Azzopardi, id-disinjatur tal-infjorata spjega li “għandek l-arma ta’ Ħad-Dingli, li allura tgħaqqad lill-poplu ta’ Ħad-Dingli, għandek l-arma tal-knisja arċipretali tagħna u fin-nofs domna – l-M tal-Madonna – li lkoll tgħaqqadna flimkien bħala komunità waħda Dinglija.”

Minbarra l-fjuri għall-infjorata, l-abbatini – mill-kbar saż-żgħar – ħadmu fuq għadd kbir ta’ fjuri oħrajn għal Santa Marija.

L-abbati Gilbert Giordimaina qal li “għamilna l-fjuri biex xħin toħroġ l-istatwa nwaddbuha fuqha u għamilna qisu għaxart elef fjura.”

Din kienet l-ewwel darba li l-abbatini ħadmu fuq proġett ta’ dan it-tip u kif spjega Nicholas Muscat kien mezz biex ingħaqdu aktar.

L-abbati Nicholas Muscat spjega li “qisu mod ta’ kif aħna l-abbatini ningħaqdu qisna familja waħda, nagħmlu l-fjuri, nagħmlu qalbna kburija għal Santa Marija, l-aqwa li nkunu ferħanin u kburin li qed nagħmluha b’mod volontarjat u kburin li għandna lil Santa Marija.”

Wieħed mill-ġenituri, Diego Attard qal li “din kienet inizjattiva li fl-opinjoni tagħna rnexxiet u rnexxiet bil-kbir. Fil-fatt se tkun sorpriza u għada sorpriża għall-poplu ta’ Ħad-Dingli.”

L-abbatini sabu l-appoġġ tal-Kunsill Lokali għal dan il-proġett. M’eskludewx li s-sena d-dieħla jerġgħu jagħmlu infjorata oħra . . . anke ikbar minn dik ta’ din is-sena.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Raġel minn Bormla li għandu 42 sena, jinsab fil-periklu tal-mewt wara li ttajjar minn xufier ta’ taxi ta’ 34 miż-Żurrieq it-Triq San Pawl f’Bormla. L-inċident seħħ ilbieraħ ftit fit-tmienja u…

Stejjer Umani

Ġorġ Agius, magħruf bħala l-Għannej tal-Mulej, li ilu 3 xhur rikoverat f’St Vincent de Paule qal lill-programm Umani li jħossu kuntent għaliex xorta baqa’ jwassal il-kelma ta’ Alla ma’ sħabu…

Kultura

Esebizzjoni li żżewwaq il-figurattiv mas-surreali, il-pitturi ta’ Alfie Gatt jinstigaw u jnebbħu l-kilba għal dak li huwa naturali. “Love Letter” hija kollezzjoni ta’ xogħlijiet artistiċi mimlija immaġinazzjoni. Alfie Gatt huwa…

Stejjer Umani

Iċ-Champion ta’ Malta tal-bowling taħt it-23 sena huwa Philip Gruppetta li mhux biss irnexxilu jegħleb il-kundizzjonijiet intellettwali tiegħu iżda anke l-kompetizzjoni ta’ żgħażagħ oħrajn bla diżabbiltà. Din hi s-sitt darba…

Aktar