Kultura
ARA: L-aħwa Magro żammew ħajja sengħa li taf żmien il-Feniċi

In-namra li nibtet minn maħżen fuq Sant’ Iermu madwar 50 sena ilu saret karriera li matulha ffaċjaw bosta sfidi fosthom l-importazzjoni barranija.

Iżda għal Manuel u Nicholas Magro, il-Covid donnu kien se jkun l-aħħar salt fuq is-sisien tal-aħwa artiġajna, li ma’ Television Malta qalu li baqgħu għaddejjin b’xogħolhom u qed iħarsu ‘l quddiem sabiex meta ddur ir-rota t-turist li jżur Malta jibqa’ japprezza din is-snajja tradizzjonali, li kull ma jmur qed tintilef.

L-aħwa Manuel u Nicholas Magro huma x-xhieda ħajja ta’ sengħa li bil-mod qed tintilef, il-Filugran. Arti delikata li tmur lura għal żmien il-Feniċi fejn l-artist juża ħjut fini lewn id-deheb jew il-fidda li jintisġu sabiex jinħolqu ornamenti bħal ġojjellerija.

“Għall-bidu għidt, ħija ikbar minni, għidt dan x’ġie jagħmel hawn!? Iżda imbagħad ma bqajniex ngħaddu mingħajr xulxin! Jien ilni 52 sena fis-sengħa. Iżżewiġt jien imbagħad iżżewweġ huwa, jien dejjem qabel! B’din is-sengħa tellajna ġiex familji!

L-artiġġjana laqgħuna bi ħġarhom ġol-ħanut tax-xogħol tagħhom fejn irrakuntawln l-ewwel inkontru tagħhom ma’ dan il-mistier aktar minn ħamsin sena ilu.

“Konna tfal. Jiena kelli tnax il-sena, ħija kellu disa’. Aħna mill-Belt u kien is-sajf, konna niġru barra, iżda dejjem xtaqna nagħmlu xi ħaġa flok naħlu l-ħin, u l-papa’ tiegħi kellu ħabib jaħdem il-fidda. Ċempillu u qallu ibagħtu jibda. U kif dħalt beda jurina, ħabbejtha, għoġbitni mill-ewwel,” jirrakkonta Manuel.

Ħuħ Nicholas qal li stinkaw sakemm fetħu għal rashom fl-1980, u maż-żmien imxew f’ħanut ġdid fil-bajja tal-Prajjiet. Minkejja l-isfidi li ffaċjaw, fosthom kompetizzjoni barranija b’ornamenti mmanifatturati bil-magni, l-aħwa qalu li s-sajjetta fil-bnazzi tal-Covid kważi naffrithom mill-imħabba ġenwina lejn din is-sengħa.

“Ħafna ħafna affettwat, tista’ tara hawn aħna 365 jum fis-sena dejjem ikun hawn ċaqliqa. Għalkemm inħobbuh marrilna l-moral daqsxejn, għax meta tiġi hawn inti mhux se toqgħod tħares imma xi ħaġa se nagħmel.”

Qalu li ma jafux x’kienu jagħmlu mingħajr is-suppliment tal-paga. “Fil-fatt issa irċivejtha. Allaħares le, kienet għajnuna tajba. Xejn, żero bejgħ,  jiena nieħu ta’ part time imma xorta qed nieħdu, imbagħad jiġik il-bolol u trid terġa’ toħroġ minn ġewwa. Hekk għalinqas €50 bolla fil-ġimgħa. Differenza milli tkun ‘on the go’ imma issa ilna sigħa hawnhekk, ma tistax tbigħ għax mhawnx nies. Tgħid ħadt xi ħaġa hu!”

L-aħwa Magro jixtiequ li, qabel iżarmaw, jgħaddu lil ħaddieħor din is-sengħa li rawwimhom fiha għexieren ta’ snin ilu Alfie Agius. Jixtiequ li l-filugran jibqa’ xempju tal-artistrija u d-dedikazzjoni tal-artist Malta li, f’baħar imqalleb, xorta waħda ma jonqosx milli joħlom.