Lifestyle
Ara: L-anzjan li tella’ l-Black Pearl minn qiegħ il-baħar 40 sena ilu

L-iskuna Black Pearl li ilha fuq ix-xatt f’Ta’ Xbiex għal kważi erbgħin sena, tnissel memorji li ma jintesew qatt minn Vince Vella li bil-perseveranza tellgħaha darbtejn minn qiegħ il-baħar.

L-iskuna Black Pearl magħmula għall-baħar u baħħret fuq li baħħret, iżda fl-aħħar erbgħin sena ma missitx mal-ilma u kienet ixxamplata fuq il-blat fix-Xatt ta’ Xbiex fejn saret attrazzjoni.

Din l-iskuna kienet iġġorr il-merkanzija fl-ibħra Żvediżi u aktar tard intużat bħala jott lussuż. Daħlet Malta wara inċident meta l-magna tagħha nħakmet min-nirien. Minħabba l-ispejjeż biex tissewwa, sidha abbandunaha bil-konsegwenza li għerqet f’sebgħin pied taħt l-ilma fil-Port ta’ Marsamxett. Vince Vella li llum għandu tmenin sena jiftakar li kienu għaddewh biż-żmien meta flimkien ma’ ħuh iddeċieda li jtellgħu din l-iskuna u jirranġaha.

Vince Vella qal li “ma konniex nafu li kbira daqshekk, meta għodost l-ewwel darba, kienet qisha ġnien taħt il-baħar”.

Is-Sur Vella qal li biex tellgħu l-Black Pearl damu xahrejn u użaw elf tmien mija u tmenin tank taż-żejt. Flimkien ma’ ħutu għamel xhur sħaħ għaddej biex jirranġa din l-iskuna tal-injam li kellha ħsarat kbar.

Qatt ma basar li kellha tispiċċa wkoll fil-film Popeye li nħadem f’Malta wara li l-producer tal-films krewha mingħandu.

Fuq il-Black Pearl inħadmu diversi xeni bis-sehem tal-attur leġġendarju, il-mibki Robin Williams. Is-Sur Vella qal li waqt il-ġbid tal-film il-Black Pearl reġgħet ġiet mgħarrqa, u għax kellu qalbu marbut magħha, reġa’ tellagħha mill-qiegħ minn Popeye Village u reġa’ ħadha Ta’ Xbiex.

Is-Sur Vella qal li minkejja l-battikati li ħa flimkien ma’ ħutu, din l-iskuna tibqa’ għal dejjem marbuta ma’ qalbu.

Vince Vella qal li “qisha d-dar tiegħi, bqajt inħobbha għax kull fejn tmiss, id-demm tiegħi jaħbat magħha, għamilna xogħol kbir u ħadd ma weġġa’ u nispera li tibqa’ hemm”.

Vince jqatta’ sajf sħiħ fuq dghajsa li bena hu stess bl-isem oriġinali tal-Black Pearl, Aeolus. Jgħid li hemmhekk isib il-paċi, jaraha kuljum quddiemu u jorqod viċin tagħha biex ma jinsa qatt il-memorji fil-vjaġġ ta’ din l-iskuna li ma jista’ jintesa qatt.

 

Aħbarijiet Oħra
Annimali

Grupp ta’ għaddasa li niżlu jgħoddsu f’Wied il-Għasri u Reqqa Point f’Għawdex ġew wiċċ imb’wiċċ ma’ skart mhux tas-soltu mormi fil-baħar. L-għaddasa sabu għadd ta’ ġlud tal-fniek mormijin fil-baħar. Bil-kurrent,…

Temp

L-Uffiċċju Metereoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qed iwissi dwar riħ qawwi li se jaħkem il-gżejjer Maltin. Ir-riħ mit-Tramuntana għall-Majjistral ser ikun qawwi għal qawwi ħafna kultant fuq il-Gżejjer Maltin. Din…

Politika Lokali

Fi stqarrija, il-Gvern ta’ Malta qal li nnota d-dikjarazzjoni tal-familja Caruana Galizia wara r-riżultati tal-inkjesta fil-każ ta’ Egrant fuq allegazzjonijiet li oriġinalment għamlet Daphne Caruana Galizia. Il-Gvern qal li huwa…

Aktar