COVID-19
ARA: L-appell tal-infermiera Rachel Grech li dalgħodu ħadet it-tieni doża tat-tilqima għall-COVID-19

Bdiet tingħata dalgħodu t-tieni doża tat-tilqima għall-COVID-19 lill-ewwel grupp ta’ professjonisti tas-saħħa li nhar il-Ħadd 27 ta’ Diċembru kienu rċevew l-ewwel doża.

Kif ġara 21 ġurnata ilu, kienet l-infermiera Rachel Grech mit-Taqsima tal-Mard Infettiv li fit-8.00a.m. ħadet it-tieni doża. Hi tkellmet ma’ tvm.com.mt dwar kif fl-aħħar tliet ġimgħat baqgħet għaddejja bir-rutina tax-xogħol fl-isptar u tħossha tajba. Tenniet l-appell lill-pubbliku biex jimxi mad-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-virus u biex meta jasal il-mument jitlaqqam.

Id-direttur mediku tal-Isptar Mater Dei, Dr Walter Busuttil, qal li fl-isptar qed jingħataw bejn 250 u 300 tilqima kuljum. Żied jispjega li sa nhar l-Erbgħa li ġej l-istaff kliniku tal-isptar, jiġifieir dawk kollha b’kuntatt dirett mal-pazjenti, se jkunu ħadu l-ewwel doża.