Kronaka
ARA: L-armi u d-drogi misjuba lbieraħ waqt rejd fi tliet irħula

Raġel ta’ 27 sena lbieraħ ġie arrestat f’operazzjoni konġunta bejn l-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga, l-Ispecial Intervention Unit (SIU) u l-Pulizija tad-Distrett ta’ Bormla.

Din l-operazzjoni waslet għas-sejba ta’ aktar minn kilo ħaxixa tal-kannabis, maż-żewġ kili droga sintetika u ammont ta’ droga kokaina.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li kienet ilha diversi ġimgħat tosserva l-movimenti tar-raġel, u bil-provi f’idejha s-Sibt wara nofsinhar, skattat l-operazzjoni biex fl-istess ħin li jiġi arrestat ir-raġel, ikunu ċċirkondati erba’ postijiet li għandu.

Kienu ftit wara s-6.00pm, meta l-Pulizija bdew isegwu vettura tal-għamla Mitsubishi Shogun, fejn kien issuspettat li s-sewwieq għandu arma tan-nar. Malli waslu f’Ħaż-Żabbar, ingħatat l-ordni biex il-vettura titwaqqaf, u malli l-Pajero saqet lejn Triq il-Kottonera, f’Bormla, din ġiet iċċirkondata mill-Pulizija.

F’dan il-mument, is-sewwieq allegatament ipprova jaħrab bil-konsegwenza li ħabat f’żewġ vetturi tal-Pulizija. Kien hawn li l-Pulizija tal-SIU ħarġu lir-raġel minn ġo fiha u mmanettjawh.

Saret tfittxija fil-vettura u fil-fatt il-Pulizija sabet arma tan-nar u machette, kif ukoll madwar €6,000 fi flus kontanti u anke sustanzi allegatament kokaina u droga sintetika.

Fl-istess waqt li sar l-arrest, il-Pulizija tal-Iskwdra ta’ Kontra d-Droga, flimkien ma’ tal-SIU, iċċirkondaw żewġ residenzi f’Bormla, garaxx fil-Fgura u garaxx f’Wied il-Għajn.

Fil-preżenza tar-raġel arrestat, saret tfittxija f’dawn l-erba’ postijiet. Minnhom il-Pulizija elevat ammont konsiderevoli ta’ pakketti bid-droga cannabis, lesta għat-traffikar, oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga, kif ukoll ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti. Ġew elevati wkoll diversi armi tan-nar.

Ġew ikkonfiskati ukoll vettura tal-għamla Toyota Vitz, Mercedes, Mitsubishi Shogun, żewġ BMW’s u erba’ muturi, kollha tar-raġel arrestat.

Il-Pulizija qalet li kienu ftit wara s-sagħtejn ta’ filgħodu x’ħin intemmet l-operazzjoni.

Ir-raġel ta’ 27 sena qed jinżamm arrestat fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali tal-Floriana għal aktar stħarriġ. Dwar dan il-każ qed jgħinu lill-Pulizija tliet persuni oħra.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija ssokktaw matul il-jum tal-Ħadd, flimkien mal-inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Audrey Demicoli, assistita minn diversi esperti li ħatret, sabiex tkun stabbilita l-kwantità tad-droga misjuba.

Ara wkoll:

Żagħżugħ arrestat b’rabta ma’ droga