Lokali
Ara l-atmosfera fil-Belt illejla – Lejlet l-Ewwel tas-Sena

Il-belt Valletta qed tirranka l-atmosfera biex isellem l-2019 u tilqa’ s-sena l-ġdida bi programm divertenti fi Pjazza San Ġorġ.

Il-programm tal-lejla qed jinkludi wħud mill-aqwa talent lokali, fosthom The Travellers, Ozzy Lino & The Candy Moths, Kevin Calleja flimkien Kurt Calleja u Gaia Cauchi. It-tmiem tħalla f’idejn id-DJ lokali, D-Rey. F’dan l-ispettaklu qed jingħata ċans lit-talent lokali tal-industrija mużikali Maltija. Mat-tokki ta’ nofs il-lejl, ma jonqosx ukoll l-ispettaklu tal-logħob tan-nar.

It-temp illejla se jibqa’ kiesaħ kif previst b’temperatura li tista’ tinżel sa 7 gradi celsius. Dawk li għal raġuni jew oħra ma jistgħux jattendu għaċ-ċelebrazzjoni tas-sena l-ġdida fil-Belt u ser jibqgħu fl-irdoss tad-dar, xorta jistgħu jingħaqdu fl-ispirtu permezz ta’ TVM li se jwassal dirett l-ispettaklu  f’xandira li se tibda fl-10.05 tal-lejla.