Ara – l-Awtorità tal-Konsumatur rigward is-saħħa u s-sanità fil-ħwienet tas-sbuħija

‘Popolin’ stħarreġ l-interessi tal-konsumaturi u l-protezzjoni li għandhom meta servizz jew prodott li jixtru ma jkunx ta’ kwalità xierqa. Tkellimna ma’ Odette Vella rappreżentanta tal-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur li spjegat li kull klijent għandu d-dritt li jirċievi servizzi u prodotti ta’ kwalità.

Mistoqsi ta’ min hi r-responsabbiltà f’każ li kawża ta’ servizz ħażin waqt per eżempju trattamenti ta’ sbuħija, tax-xagħar jew saħansitra meta jsir tatwaġġ, il-konsumatur isofri xi tip ta’ konsegwenza jew dannu. Vella saħqet li hija responsabbiltà tal-bejjiegħ li jara li dan is-servizz jingħata bl-aħjar mod u li l-prodotti użati huma ta’ kwalità tajba. Jekk jinqalgħu dawn it-tip ta’ problemi, l-istess bejjiegħ huwa fid-dmir li jiffaċċja r-responsabbiltajiet involuti inklużi d-danni finanzjarji li jkun sofra l-konsumatur.  Minn naħa tiegħu l-konsumatur għandu d-dmir li jimxi mal-istruzzjonijiet li jkun ipprovda l-bejjiegħ sabiex is-servizz mogħti jkun mħares bl-aħjar mod possibbli.

Vella tenniet li kull każ irid jiġi evalwat b’mod individwali, u ż-żewġ partijiet iridu jipprovdu evidenza biex jiġi sostnut il-punt tagħhom. F’każijiet fejn ma jintlaħaqx qbil bejn iż-żewġ partijiet, u d-dannu involut ikun akbar minn tlett elef u ħames mitt ewro, il-każ ikollu jitressaq quddiem il-Qorti ta’ Malta.