Qasam soċjali
ARA: L-ewwel movimenti ta’ Gabriel wara li saritlu operazzjoni

“Il-ferħ li għandna huwa kbir għax qisu reġa’ twieled mill-ġdid it-tifel”.

Hekk sostniet ma’ tvm.com.mt Marcelle Abela li flimkien ma’ żewġha Mario u binhom Gabriel bħalissa jinsabu l-Istati Uniti biex it-tifel isirulu numru ta’ operazzjonijiet bit-tama li jimxi aħjar.

It-tfajjel ta’ disa’ snin ibati mis-‘cerebral palsy’ u madwar sentejn ilu l-familja appellat għall-għajnuna biex ikun jista’ jagħmel l-operazzjoni msejħa Selective Dorsal Rhizotomy li tiswa eluf kbar ta’ ewro.

L-omm tellgħet fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook filmat li fih binha jidher jehmeż għall-ewwel darba, ħaġa li għal ħafna hija ovvja imma li Gabriel skopra li seta’ jagħmel issa.

Marcelle qaltilna li lanqas huma ma kienu jafu kemm il-kundizzjoni ta’ binha ċaħditu minn affarijiet u esprimiet l-apprezzament għat-tobba fl-isptar St. Louis Children’s Hospital għal dak li għamlu ma’ Gabriel.

It-tifel jonqsu żewġ operazzjonijiet oħra, li se jsirulu fit-28 ta’ Lulju, u wara jibda proċess twil ta’ fiżjoterapija.