Barranin
ARA: L-ewwel turisti fl-ispazju jinżlu lura fid-dinja b’suċċess

L-ewwel grupp ta’ turisti fl-ispazju niżel lura fid-dinja lbieraħ. Il-grupp, magħmul minn erba’ membri tal-pubbliku, qatta’ tlett ijiem jorbita madwar id-dinja.

Wara tliet sigħat mit-tlugħ fl-ispazju, il-kapsula laħqet altitudni orbitali ta’ 585 kilometru, li huwa ogħla mill-Istazzjon Spazjali Internazzjonali u l-Hubble Space Telescope, kif ukoll l-iktar ‘il bogħod li l-bniedem ivvjaġġa mid-dinja minn meta ntemmet il-missjoni tan-NASA, Apollo, fl-1972.

Issa, il-missjoni tal-kumpanija Space X, intemmet b’suċċess, meta l-kapsula Resilience niżlet fil-baħar Atlantiku, ‘il barra mill-kosta ta’ Florida, bil-kru abbord joħorġu qawwijin u sħaħ.

Meta l-kapsula kienet qed tirritorna lejn id-dinja u qasmet l-atmosfera, madwarha telgħet temperatura qawwija ħafna li laħħqet 1,927 grad Celcius. L-ilbies apposta tat-turisti, li kienu mqabbda ma’ sistema ta’ ventilazzjoni, kienu ddisinjati biex iżommuhom friski f’każ li l-kabina tisħon.

Din l-aħħar missjoni fl-ispazju mistennija tagħti bidu għall-industrija tat-turiżmu spazjali mill-pijunier Elon Musk.

Ara wkoll:

ARA: Membri tal-pubbliku varati fl-ispazju għall-ewwel darba