Barranin
Ara: L-FBI tgħid li t-tfajla li għebet inqatlet

L-FBI ikkonfermat li l-katavru li nstab fil-park nazzjonali ta’ Wyoming fl-Istati Uniti huwa tat-tfajla rrapportat nieqsa, Gabby Petito. Uffiċjal qal li t-testijiet forensiċi ddeterminaw li t-tfajla nqatlet, iżda ma żvelax aktar dettalji.

Petito ta’ 22 sena kienet qed iżżur il-park nazzjonali mas-sieħeb tagħha, Brian Laundrie, ta’ 23 sena.

Il-Pulizija għaddejjin bi tfittxija għall-ġuvni għax huwa persuna ta’ interess fil-każ għalkemm ma ġiex akkużat b’xi reat.

Il-koppja kienet qed tivvjaġġa flimkien għal diversi ġimgħat u tirrapporta dwar il-vjaġġ tagħha fuq il-midja soċjali.

Laundrie rritorna d-dar fi Florida waħdu bil-vann abjad fl-1 ta’ Settembru. Hu m’għamilx kuntatt mal-familja tat-tfajla tiegħu jew mal-Pulizija meta wasal. Il-familja ta’ Petito rrapportat lit-tfajla nieqsa għaxart ijiem wara.

Intant, ġimgħat qabel, pulizija f’Utah kienu msejħa fuq każ ta’ vjolenza domestika li nvolva lill-koppja. Filmat mill-bodycam tal-Pulizija wera lit-tfajla tibki u tilmenta fuq is-saħħa mentali tagħha.

Rapport tal-Pulizija aktar tard kien jgħid li Laundrie allega li Petito refgħet idejha fuqu waqt argument. Madankollu, il-Pulizija ma ħadet l-ebda passi, u rrakkomandat lill-koppja biex ma tqattax il-lejl flimkien. X’ġara wara, baqa’ misteru.