Barranin
Ara: L-ikbar wieħed għandu 22 sena, 5 snin ilu ma kinux jeżistu – min huma l-Måneskin?

Grupp rock t’erba’ min-nies enerġetiku għall-aħħar u b’ħakma liema bħalha tal-palk. Il-grupp Taljan Måneskin ilbieraħ rebaħ il-Eurovision Song Contest f’Rotterdam l-Olanda. Rebħa, li waslet wara karriera t’inqas minn ħames snin, bl-akbar membru tal-grupp, Damiano David għandu 22 sena biss.

Il-grupp Måneskin, fil-fatt, ħames snin ilu ma kienx jeżisti. L-erba’ membri tal-grupp kienu kollha studenti kwalunkwe. Ilkoll, iżda, b’passjoni kbira għall-mużika, għatxana biex iħallu impatt fuq l-industrija.

Damiano David, Ethan Torchio, Victoria De Angelis u Thomas Raggi ngħaqdu madwar ħames snin ilu u bdew idoqqu fit-toroq ta’ Ruma bit-tama li jpaxxu ‘l-widna ta’ min ikun għaddej u jiksbu aktar popolarità.

Fl-2017, il-grupp Måneskin ħa sehem fil-programm popolari ‘X Factor’. Esperjenza, li bla dubju tatu spinta u għamlitu aktar magħruf mal-pubbliku. Tant, li f’Marzu li għadda rnexxielu jirbaħ il-Festival ta’ Sanremo.

Suċċess, li wasslu biex jirrappreżenta lill-Italja fil-Eurovision Song Contest u biex saħansitra jirbaħ il-festival.