Immigrazzjoni
ARA: L-immigranti tal-Ocean Viking iddaħħlu Malta mal-lejl li għadda

Malta reġgħet serviet bħala art ta’ kenn għal grupp ta’ immigranti li kienu ilhom ġimagħtejn fuq il-baħar. Tliet mija, sitta u ħamsin immigrant iddaħħlu Malta tard il-bieraħ filgħaxija biex fiż-żmien li ġej jiġu rilokati kollha f’sitt stati membri tal-Unjoni Ewropea.

Id-deċiżjoni tal-Gvern Malti sabet appoġġ minn għoxrin għaqda mhux governattiva li appellaw lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jagħmlu aktar dwar din l-isfida waqt li jħarsu r-responsabbilitajiet legali, politiċi u morali tagħhom. Anke l-Partit Nazzjonalista innota b’sodisfazzjon li l-kwistjoni tal-Ocean Viking ġiet fi tmiemha.

Ġiet fi tmiemha l-lejl li għadda paġna oħra mis-saga ta’ 356 immigrant – fil-maġġoranza Sudaniżi – li ttellgħu abbord il-vapur Ocean Viking f’erba’ ħidmiet ta’ salvataġġ differenti. Dan kien l-akbar grupp ta’ immigranti li inġabu Malta din is-sena.

L-immigranti tniżżlu fil-bażi marittima f’Xatt it-Tiben fejn bdew il-proċeduri tal-wasla u ttieħdu għall-akkomodazzjoni temporanja fiċ-ċentru miftuħ sakemm isiru l-arranġamenti biex jiġu rilokati f’sitt pajjiżi Ewropej. F’dan l-stadju jsiru wkoll il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni u identifikazzjoni mill-awtoritajiet Maltin. Isegwi dan kollu uffiċjali tal-aġenziji internazzjonali fosthom il-UNHCR u tal-Organizazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni.

Aktar minn kwart tal-immigranti huma taħt l-età u fil-maġġoranza tagħhom mhumiex akkumpanjati minn ġenituri jew qraba. Fost il-grupp tliet itfal li għadhom m’għalqux il-ħames snin. Wara ġimagħtejn fuq il-vapur, il-Ġimgħa waranofsinhar huma ġew trasferiti fuq patrol boat tal-Forzi Armati, barra l-ibħra territorjali Maltin u ddaħħlu fil-bażi marittima tal-armata f’Xatt it-Tiben tard filgħaxija.

Dan l-iżvilupp seħħ wara diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea u għadd ta’ pajjiżi, b’Malta taċċetta li tkun parti mis-soluzzjoni u l-gvern awtorizza li l-immigranti jiddaħħlu hawn. Il-Gvern għamilha ċara li ħadd mill-immigranti mhu se jibqa’ Malta, bil-grupp kollu se jiġi rilokat f’sitt pajjiżi: Franza, il-Ġermanja, ir-Rumanija, il-Lussemburgu, il-Portugall u l-Irlanda. L-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters irrappurtat li Franza se tieħu l-akbar ammont ta’ persuni mill-grupp: 150.

Il-Gvern Malti qal li aġixxa b’mod li ma jippreġudikax il-pożizzjoni legali tiegħu u tenna l-impenn li jkun parti minn soluzzjonijiet pragmatiċi li ma jpoġġux pressjoni żejda fuq stat membru wieħed. Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija nnota li l-kwistjoni Ocean Viking intemmet u appella biex l-isfida tal-immigrazzjoni ma tiġix indirizzata b’soluzzjonijiet tal-mument. Il-Partit Nazzjonalista qal li din hi problema Ewropea li teħtieġ soluzzjoni kollettiva u qal li l-Gvern għandu jaħdem aktar għal ftehim dwar mekkaniżmi legali kostanti li jiżguraw it-twettieq tal-prinċipju tas-solidarjetà.

Il-vapur li tella’ abbord lill-immigranti, Ocean Viking, itajjar bandiera Norveġiża u jiġi operat minn żewġ għaqdiet mhux governattivi: il-Medecins San Frontieres u l-SOS Mediterranee. Sam Turner, li jmexxi l-ħidma medika ta’ Medecins San Frontiers fil-Libja qal li ħafna minn dawn l-immigranti għaddew minn esperjenzi ta’ tbatija u ħruxija fil-Libja.

“We have spoken to people who have been trapped on the frontlines of the fighting in Libya, we have spoken to people who have lived through the air strike on the Tajoura detention centre, where approximately 60 people were killed in early July and further 70 were injured. We have also spoken to people and treated injuries of those who have experienced horrors during their time in Libya. At the hands of traffickers and criminals they have been exploited, they have been subjected to what we can only describe as torture: beatings, sexual violence and all sorts of horrific things that are really unimaginable.”

Għoxrin għaqda mhux governattiva faħħru d-deċiżjoni tal-gvern Malti li daħħal l-art lil dawn it-356 immgirant u kkritikaw lill-pajjiżi Ewropej li għal darb’oħra qalu kaxkru saqajhom bir-riżultat li tawlu t-tbatija umana. L-għaqdiet li jinkludu l-fondazjoni Aditus, Drachma, is-serviz tal-Ġiżwiti mar-Refuġjati u dipartimenti fl-Università appellaw lill-Istati Membri Ewropej biex jagħmlu aktar quddiem din l-isfida.

Ara wkoll:

356 immigrant se jiddaħħlu Malta biex jiġu rilokati f’pajjiżi oħra

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Żewġ nisa, li waslu Malta b’dgħajsa ma’ immigranti oħra s-sena l-oħra, spiċċaw il-ħabs minflok il-Ġermanja. Fil-Qorti, l-avukat tagħhom Martin Fenech, spjega li huma użaw dokumenti foloz biex ikunu jistgħu jibdew…

Partit Nazzjonalista

Waqt żjara fix-xelter tal-YMCA li għandu mat-30 resident, il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li r-realtà tal-faqar f’Malta, qiegħda tiżdied minkejja t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż. Dr Delia qal li l-Gvern għandu…

Xogħol

Fit-tieni kwart tas-sena, bejn April u Ġunju li għadda, Malta kellha t-tielet l-ogħla rata ta’ sejħiet għal impjiegi fis-suq tax-xogħol. Skont ċifri tal-Eurostat, il-postijiet tax-xogħol li kienu qed ifittxu l-ħaddiema…

Aktar