Kultura
ARA: L-infjorata tal-Għarb b’laqta Ġappuniża

L-Għarb huwa magħruf għall-infjorata li ssir fuq iz-zuntier f’nhar il-festa. Il-Grupp Infjoraturi Għarb fl-aħħar snin kellu l-opportunità li jieħdu din l-arti barra. Għalkemm din is-sena baqgħu Għawdex, xorta waħda kellhom ċans jesebixxu – b’mod virtwali – ix-xogħol tagħhom f’Tokyo l-Ġappun.

Il-pandemija ħarbtet il-pjani tal-Grupp Infjoraturi Għarb, li fl-aħħar ta’ Mejju kellu jesebixxi x-xogħol tiegħu fil-Kungress Internazzjonali tal-Infjoraturi, f’Tokyo, il-Ġappun. Madankollu, ma naqsitx mill-entużjazzmu tal-infjoraturi Għawdxin, li ħadmu fuq proġett imnebbaħ mill-kultura Ġappuniża bl-isem “Dreams of Tokyo”.

Is-Segretarju tal-Grupp Infjoraturi Għarb, Marika Farrugia spjegat li din kienet inizjattiva virtwali tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali bħala turija ta’ apprezzament għall-grupp li kien qed iħejji għall-Kungress fil-Ġappun. L-infjoraturi Għawdxin għamlu inkwatru bil-melħ ikkulurit – li fuqu ħadmu mal-15-il persuna fi gruppi żgħar u f’ħinijiet differenti – biex iżommu mad-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa.

“Id-disinn sar minn Michael Bajada u wara dawn ir-ritratti u l-videos intbagħtu u nħoloq proġett video bl-infjorati kollha li saru madwar id-dinja. Dan imbagħad ġie mxandar fi żmien li kien se jsir il-kungress f’Tokyo,” qalet is-Segretarju tal-Grupp Infjoraturi Għarb, Marika Farrugia.

Il-Grupp ippreżenta x-xogħol tiegħu lill-Ambaxxatur Malti għall-Ġappun, André Spiteri, li qal inizijattivi bħal dawn iqarrbu liż-żewġ popli.

“Jien ċert u persważ li jekk il-Ġappuniżi jaraw xi ħaġa bħal din, li hija tipikament Maltija, Għawdxija wkoll, tkun apprezzata ħafna u treqqeb kemm jiesa’ jkun lill-popli tagħna a’ xulxin,” qal l-Ambaxxatur Malti għall-Ġappun André Spiteri.

Ta’ kull sena fil-festa tal-Għarb, il-Grupp Infjoraturi Għarb jaħdem tapit tal-ward fuq iz-zuntier, li minn fuqu tgħaddi l-vara tal-Viżitazzjoni. Is-Sindku tal-Għarb, David Apap, qal li fiċ-ċirkostanzi straordinarji ta’ din is-sena, il-Grupp qed iħejji xi ħaġa differenti f’nofs il-pjazza.

“Qed jaħseb sabiex din il-kultura li issa saret parti mill-kultura tagħna tibqa’ għaddejja u anke f’din il-festa tkun iċelebrata l-infjorata b’mod differenti,” qal is-Sindku tal-Għarb David Apap.

Dan kien se jkun ir-raba’ kungress internazzjonali li fih jieħdu sehem l-infjoraturi Għawdxi. Il-kungressi jsiru kull sentejn f’pajjiż differenti.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb organizzat mill-kunsill nazzjonali tal-ktieb se jsir online l-11 u l-15 ta’ Novembru minflok ma jsejjaħ in-nies f’dar il-Mediterran il-Belt Valletta. Dan minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19 u l-pariri tal-Awtoritajiet…

Lokali

Melvin Theuma,  l-intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ġie rilaxxat mill-Isptar Mater Dei. Ġimagħtejn ilu huwa ddaħħal l-isptar wara li kien instab f’għadira f’demm b’feriti f’għonqu u fil-kustilji. Dan wara li…

Edukazzjoni

Bil-pjan tal-Gvern hu li f’Settembru jiftħu l-iskejjel, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnnici qal li għaddejjin taħdidiet biex it-tagħlim tat-tfal isir mis-sena skolastika li jmiss bil-miżuri meħtieġa kontra l-imxija tal-Covid. Dr Bonnici tkellem…

Saħħa

L-operazzjonijiet se jerġgħu jibdew min-nhar it-Tnejn li ġej iżda d-direttivi tal-Outpatients se jibqgħu fis-seħħ. Dan intqal mill-MAM fi stqarrija uffiċjali wara l-aġġornament tal-aħbarijiet li ta d-Deputat Mexxej, Dr Chris Fearne…

Aktar