Lokali
ARA: l-inkjesta sabet li 2 uffiċjali tal-ħabs ma mxewx mar-regolamenti u m’għarrfux lid-direttur

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri qal li mill-inkjesta Maġisterjali dwar il-każ ta’ attentat ta’ suwiċidju li seħħ fil-ħabs fis-16 ta’ Ġunju li għadda joħroġ li d-direttur tal-ħabs ma kienx infurmat dwar dak li kien qed iseħħ.

Dwar dan il-każ żewġ uffiċjali korrettivi se jitressqu l-qorti b’ċitazzjoni akkużati b’reati ta’ natura involontarja. Huma ġew sospiżi b’mod immedjat u huma soġġetti wkoll għall-proċeduri quddiem il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.

“Nifhem li rrid noqgħod ftit attent għaliex fid-diskors tiegħi ma rridx nippreġudika l-każ jew anke nippreġudika l-investigazzjonijiet li kien hemm. U din l-inkjesta fil-konfront ta’ dawn iż-żewġ persuni li jaħdmu hemmhekk – l-inkjesta jew il-Maġistrat inkwerenti tgħid li dawn il-persuni ma mxewx mar-regolamenti u anke ma infurmawx lid-direttur. Allura minn dak li rajt fl-inkjesta fattwalment jirriżulta li d-direttur ma kienx infurmat b’dak li kien qed jiġri u dan mhux qed ngħidu jien imma qed tgħidu l-inkjesta”, qal Camilleri.

Mistoqsi mill-ġurnalisti dwar jekk hemmx persuni li għandhom jerfgħu r-responsabilità u jekk il-pożizzjoni jew u tad-direttur tal-ħabs hijiex tennibli, il-Ministru Camilleri qal li huwa jiddeċiedi fuq il-fatti.

Żied li huwa mar pass oltre minn dak li hu mistenni fil-liġi, u ħatar inkjesta indipendenti biex tevalwa b’mod sħiħ l-proċeduri u s-sistema fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.Qal li dan bil-għan li jkun stabbilit jekk hemmx affarijiet li jeħtieġ li jinbidlu, jekk hemmx affarijiet li jistgħu jitjiebu, u jekk hemmx affarijiet li għandhom isiru ġodda.

Il-Ministru Camilleri qal li l-inkjesti maġisterjali dwar l-erbat imwiet li kien hemm is-sena li għaddiet fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin huma konklużi u ma nstab li kien hemm l-ebda nuqqasijiet min-naħa tal-ħaddiema u t-tmexxija tal-ħabs.

Semma wkoll każ ieħor fejn l-inkjesta maġsiterjali, li waslet għandu madwar ħames xhur ilu dwar il-mewt ta’ priġunier b’overdose fl-2011/l-2012, ikkonkludiet li għandu jkun hemm iktar investigazzjonijiet tal-pulizija biex jistabilixxu minn fejn kienet ġejja dik id-droga u kif dik il-persuna kien qed jieħu d-droga ġewwa l-ħabs.